STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Tiġdid tal-iskema SensAbility
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar it-tiġdid tal-iskema SensAbility. Matul l-aħħar erba' snin, b'investiment ta' madwar €310,000, 64 familja għamlu użu minn din l-iskema, li permezz tagħha dawn il-familji seta' jkollhom multisensory room f'darhom stess, sabiex tintuża minn tfal jew adulti li qegħdin fuq l-ispettru tal-Awtiżmu, ADHD, u Down Syndrome fost l-oħrajn.
“Meta ħabbarna din l-iskema konna sħaqna li din l-inizjattiva hija xhieda ta' politika ħolistika u dinamika, politika li mhijiex ibbażata fuq xi lista statika li ma tiġix modifikata skont il-ħtieġa. Permezz ta' din il-mentalità, nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, li jwasslu sabiex nagħmlu differenza tanġibbli f'ħajjet kull ċittadin, mingħajr ma nagħmlu l-ebda distinzjoni bejn persuna jew oħra. Dan għax verament nemmnu fid-dinjità ta' kull persuna, kif ukoll nippromwovu l-abilitajiet tal-individwu," stqarr il-Ministru Galdes.
Il-Ministru sostna li din l-iskema talloka xejn anqas minn €6,000, liema għajnuna mhijiex ibbażata fuq means test jew fuq id-dħul finanzjarju tal-familja konċernata. Huwa kompla jispjega kif kull min jibbenifika minn din l-iskema jarma multisensory room skont il-ħtiġijiet personali, fejn din il-kamra tkun ddisinjata apposta sabiex tgħaqqad firxa ta' stimuli li jgħinu lill-individwi jiżviluppaw u jagħmlu użu minn sensi partikolari.
“B'sodisfazzjon tkellimt ma' ġenituri u familjari tal-benefiċjarji li bbenifikaw minn din l-iskema u qasmu miegħi x'differenza għamlet din il-kamra attrezzata b'apparat differenti, ġo darhom stess, li qiegħda tkompli ssaħħaħ l-abbiltajiet tal-benefiċjarji. Dan huwa proprju l-għan ewlieni ta' din l-iskema: qed inpoġġu bħala prijorità l-interess ta' dawn il-benefiċjarji sabiex niżguraw ruħna li jgħixu f'ambjent dinjituż, skont il-bżonnijiet personali tagħhom," ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa spjega li “permezz tal-Customer-Centric Approach tagħha, l-Awtorità qiegħda tpoġġi r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji li sservi, fiċ-ċentru tal-operat kollu tagħha."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN