STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT L-Easy Read: Ċavetta għall-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità intellettwali fis-soċjetà
Rappreżentanti minn diversi entitajiet mis-setturi tad-diżabilità, l-edukazzjoni u l-impjiegi issa ser ikunu jistgħu jagħtu taħriġ f'Easy Read (Verżjoni Faċli għall-Qari), bis-saħħa ta' proġett tal-UE mmexxi mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD). Dan ġie spjegat waqt konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Il-proġett, bl-isem E.A.S.E. (Easy, Accessible, Simple and Effective) ilu għaddej minn Marzu 2024 u jaqa' taħt il-programm ta' finanzjament Azzjoni Ewlenija 2 tal- Erasmus+: Sħubija fuq Skala Żgħira fil-qasam tal-Edukazzjoni għall-Adulti. Is-CRPD hija s-sieħeb ewlieni f'dan il-proġett, flimkien mas-Social Enterprise Puzzle (il-Greċja), Boarve Konsult AB (l-Iżvezja) u Cyprus Certification Company (Ċipru).
Rappreżentanti minn entitajiet bħas-CRPD, Aġenzija Sapport, Jobsplus u Lifelong Learning segwew taħriġ f'Easy Read, li hija għodda biex il-kontenut, il-lingwa, il-preżentazzjoni u l-istampi jkunu aċċessibbli għal gruppi fil-mira li għandhom diffikultajiet fil-qari u l-fehim tal-informazzjoni. Il-kunċett ta' Easy Read ikopri kemm il-lingwa miktuba kif ukoll dik mitkellma. Il-proġett kien jinkludi wkoll il-ħolqien ta' linji gwida dwar kif toħloq Easy Read.
Easy Read huwa partikolarment importanti għall-persuni b'diżabilità intellettwali iżda huwa wkoll ta' valur għal setturi oħra tas-soċjetà li jista' jkollhom diffikultà biex jaqraw, bħall-anzjani u persuni bid-dislessja. Dan jagħti lin-nies aċċess għal informazzjoni dwar dokumenti importanti fuq kwistjonijiet finanzjarji, l-edukazzjoni sesswali u s-saħħa.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fissret li din l-għodda tal-Easy Read hija waħda kruċjali biex persuni b'diżabilità jieħdu deċiżjonijiet iktar infurmati u jsaħħu l-awtonomija tagħhom. “Parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà tfisser li nkunu kapaċi nifhmu u nieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar id-dinja ta' madwarna. Jekk il-persuni b'diżabilità intellettwali għandhom verament jgħixu l-islogan ta' 'Xejn Dwarna Mingħajrna' fil-prattika, u jippromwovu lilhom infushom b'mod effettiv, huwa essenzjali li jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni. B'hekk, ikunu jistgħu jieħdu rwol aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u jsaħħu l-awtonomija tagħhom fis-soċjetà," temmet tgħid il-ministru.
Id-dritt għal informazzjoni aċċessibbli huwa minqux kemm fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (Artikolu 9) kif ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali ta' Malta dwar id-Diżabilità 2021-2030. Sa ftit ilu, il-biċċa l-kbira tad-dokumenti Easy Read f'Malta kienu jinħolqu mis-CRPD, bl-għajnuna ta' persuni b'diżabilità intellettwali. Iżda d-domanda hija għolja u nħasset il-ħtieġa li aktar nies jitħarrġu dwar kif jiktbu dokumenti Easy Read.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju tas-CRPD, Rhoda Garland, qalet, “Aħna nħossu li dan huwa pass importanti ieħor lejn il-ħolqien ta' soċjetà inklużiva fejn persuni b'diżabilità jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni li tippermettilhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess u jkollhom aktar kontroll fuq ħajjithom stess. Iżda l-provvista ta' materjal Easy Read hija importanti wkoll għaliex dan jindika bidla fil-mod kif naħsbu dwar persuni b'diżabilità intellettwali u kif jistgħu jsawru ħajjithom, li l-persuni b'diżabilità intellettwali jistgħu jkunu kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, jekk jingħataw informazzjoni aċċessibbli".
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN