STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Titjiriet minn pajjiżi aktar 'il bogħod huma l-pass li jmiss fil-konnettività bl-ajru ta' Malta
Id-Deputat Prim Ministru jindirizza konferenza globali tal-kumpanija SITA f'Malta
“Il-pass li jmiss fil-katina ta' konnettività bl-ajru ta' Malta huwa li nattiraw servizzi ta' titjiriet fuq distanzi twal minn pajjiżi aktar 'il bogħod sabiex nidħlu b'mod aktar effettiv fis-swieq transatlantiċi u Asjatiċi u nattiraw turisti li jfittxu l-esperjenzi ta' kwalità li Malta tista' toffri."
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg enfasizza l-importanza ta' network tal-avjazzjoni b'saħħtu għas-settur tat-turiżmu f'Malta meta kien qed jindirizza l-Customer Success Kick-Off Meeting ta' SITA, kumpanija internazzjonali stabbilita fit-teknoloġija tal-ivvjaġġar, li saret f'Malta nhar it-Tlieta u l-Erbgħa. Il-konferenza ġabet flimkien aktar minn 400 uffiċjali għolja u maniġers ta' din il-kumpanija minn madwar id-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru Borg spjega li l-avjazzjoni qed tieħu rwol dejjem aktar ċentrali fis-settur tat-turiżmu f'Malta. “Network tal-avjazzjoni b'saħħtu jfisser konnettività tul is-sena kollha u influssi ta' turisti b'saħħithom matul it-tnax-il xahar tas-sena, li jżommu l-industrija topera b'mod effettiv filwaqt li jippermettu li l-pajjiż jattira lejh viżitaturi b'interessi turistiċi differenti minn swieq differenti," qal id-Deputat Prim Ministru waqt li saħaq fuq l-isforzi kontinwi ta' Malta biex tkompli tiżviluppa kollaborazzjonijiet ġodda tal-avjazzjoni, inkluż bl-attrazzjoni t'aktar linji tal-ajru biex iġorru passiġġieri u merkanzija, ir-reġistrazzjoni tal-ajruplani, il-ħruġ ta' Ċertifikati ta' Operaturi tal-Ajru (AOC), kif ukoll servizzi ta' manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani.
“Minn perspettiva governattiva sħiħa, li jkollok l-oqsma differenti tal-avjazzjoni miġbura flimkien f'post wieħed iwassal għal benefiċċji addizzjonali, bil-ħolqien ta' ċentri li jagħmlu r-relazzjoni bejn is-settur tal-avjazzjoni u l-pajjiż ferm aktar b'saħħitha," sostna d-Deputat Prim Ministru.
“Hekk kif it-turiżmu qed dejjem ixaqleb lejn esperjenzi aktar awtentiċi u tanġibbli, fejn it-turisti qed ifittxu aktar sehem dirett f'dak kollu li jaraw u jieħdu sehem fih, it-teknoloġija qed tieħu rwol dejjem aktar ċentrali fil-valur turistiku," qal Borg. Huwa faħħar l-impenn ta' SITA lejn it-tranżizzjoni diġitali tas-settur turistiku, kemm globalment kif ukoll f'Malta, permezz tal-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' identità diġitali, aġġornamenti dwar il-vjaġġ b'mod immedjat waqt li qed iseħħu, immaniġġjar tal-bagalji barra mill-ajruport, u sistemi oħra li jtejbu l-effiċjenza fl-ivvjaġġar.
“Il-Gvern Malti qed ikollu rwol ċentrali fit-trasformazzjoni diġitali tat-turiżmu, billi jipprovdi inċentivi finanzjarji bħal krediti ta' taxxa, self vantaġġuż, u grants, filwaqt li qed juża fondi tal-UE biex jappoġġja l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali. Qegħdin ukoll nagħmlu verifika settorjali biex nevalwaw il-livell ta' tħejjija diġitali u nippromwovu l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħal AI, IoT, AR, u VR," qal id-Deputat Prim Ministru.
Barra minn hekk, il-Gvern jiffaċilita l-innovazzjoni billi jgħaqqad lil dawk kollha involuti fl-industrija flimkien f'sistemi strutturati, sabiex jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn is-setturi, u jiżgura responsabbiltà kondiviża. Qed isiru wkoll studji tal-esperjenza turistika biex tiġi żgurata interazzjoni bla xkiel ma' pjattaformi li jġorru isem Malta. Il-pajjiż qed jaħdem biex ikun pjattaforma għall-innovazzjonijiet tat-teknoloġija tal-ivvjaġġar, biex jattira aktar kumpaniji globali u intrapriżi ġodda f'dan il-qasam.
“Inħeġġu aktar enfasi fuq il-personalizzazzjoni permezz tal-AI, infrastruttura sostenibbli, u ċibersigurtà fl-ivvjaġġar, biex niżguraw li l-gżejjer tagħna jibqgħu fuq quddiem nett bħala destinazzjoni proattiva u responsabbli," temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Borg.
Ritratti: MFT-DOI
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN