Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru jilqa’ r-riżultati rekord fit-turiżmu, jappella għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla għat-turisti

PR250228
Date Icon 12/02/2025

Il-Konferenza Nazzjonali tat-Turiżmu tiddiskuti l-futur tal-industrija tat-turiżmu f'Malta

“Il-kwalità għandha tkun l-element ewlieni f'kull ħolqa tal-katina tat-turiżmu tagħna. Mhux qed nitkellmu dwar prezzijiet ogħla u aktar dħul, imma li nipprovdu esperjenzi ta' kwalità ogħla li għalihom dawk li jżuruna jkunu lesti li jħallsu bil-qalb."

L-Erbgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg enfasizza l-kwalità u s-sostenibilità bħala l-kolonni ewlenin tal-viżjoni tal-Gvern għall-futur tat-turiżmu meta kien qed jindirizza l-għeluq tal-Konferenza Nazzjonali tat-Turiżmu 2024, organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-Konferenza saret fl-istess jum li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbru li l-2024 kienet sena ta' rekords għall-industrija tat-turiżmu, b'19.5% aktar turisti meta mqabbel mas-sena ta' qabel u żieda rekord simili ta' 23.1% fl-ispiża tat-turisti fil-pajjiż, b'total ta' €3.3 biljun jew €924 kull turist.

Id-Deputat Prim Ministru Borg laqa' dan it-tkabbir, li qed jerġa' jikkonferma r-reżiljenza ta' Malta għall-ħeffa li bih irpiljat mill-kriżi tal-pandemija. Statistiċi reġjonali jikkonfermaw li filwaqt li l-Ewropa rreġistrat żieda ta' 1% fit-turisti fl-2024 meta mqabbel mal-2019, is-sena ta' qabel il-pandemija, it-turiżmu f'Malta żdied b'29% fl-istess ħames snin.

“Ir-riżultati tal-2024 jikkonfermaw li t-turiżmu mhux biss qed jikber fin-numri, iżda qed jagħmel passi kbar 'il quddiem fid-direzzjoni t-tajba. It-turisti qed jaslu b'mod aktar kostanti matul is-sena minn qatt qabel, u qed jaslu minn swieq differenti u għal raġunijiet aktar varjati minn qabel," innota d-Deputat Prim Ministru Borg, hekk kif faħħar lil dawk kollha involuti, fosthom l-awtoritajiet, is-settur privat, komunitajiet lokali u ħafna oħrajn, għas-sehem tagħhom f'dawn ir-riżultati.

F'kummenti dwar it-tema ewlenija tal-konferenza, “Insawru l-futur", id-Deputat Prim Ministru saħaq “Ninsabu f'mument importanti fl-iżvilupp tat-turiżmu. Irnexxielna nittrasformaw lil Malta minn pajjiż li kien qed jaqa' lura fit-turiżmu għal esponent ewlieni, fost l-aqwa f'din l-industrija, taħt id-direzzjoni ta' strateġija b'impenn lejn tkabbir ibbażat fuq il-kwalità u s-sostenibilità. Madankollu, l-istrateġija turistika tagħna hija wkoll ċara dwar il-ħtieġa li kontinwament neżaminaw dak li qed nagħmlu, biex dejjem nagħtu ħajja ġdida lill-industrija. Dan l-għan qed isir aktar faċli, hekk kif qed insawru l-futur fi żmien meta t-turiżmu qed jikseb suċċess."

Żied jgħid li sabiex tikseb is-sostenibilità fit-turiżmu, Malta trid tiggarantixxi introjtu aktar fit-tul għall-investimenti li jsiru, f'ambjent aktar b'saħħtu u b'relazzjoni pożittiva bejn dawk li jżuru l-pajjiż u dawk li jilqgħuhom, bejn ir-residenti u t-turisti.

Fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jilħaq dawn l-għanijiet b'diversi inizjattivi. “Ser nindirizzaw il-klassifikazzjoni tal-istabbilimenti t'akkomodazzjoni, u ser nieħdu azzjoni kontra dawk li ma jirregolawx ruħhom. Se nkomplu naħdmu aktar biex ikollna ħaddiema b'ħiliet aħjar fit-turiżmu, għaliex l-ospitalità tibqa' l-aktar aspett pożittiv tal-esperjenza turistika Maltija," qal id-Deputat Prim Ministru Borg.

“Il-Gvern se jkompli wkoll itejjeb il-konnettività bl-ajru, sabiex jiġu attirati aktar viżitaturi minn destinazzjonijiet aktar 'il bogħod, u sabiex ikomplu jitkattru n-niċeċ u s-setturi differenti tal-industrija, li jagħmlu lil Malta unika. Qed nitilqu minn sisien b'saħħithom u għandna l-lussu li nistgħu naħdmu flimkien biex insaħħu dak li rridu aktar minnu, filwaqt li nnaqqsu dak li rridu inqas minnu," temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Charles Mangion u Carlo Micallef, kif ukoll minn Dirk Glaesser, id-Direttur dwar Żvilupp Sostenibbli fit-Turiżmu tal-UN Tourism.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru jilqa’ r-riżultati rekord fit-turiżmu, jappella għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla għat-turisti
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru jilqa’ r-riżultati rekord fit-turiżmu, jappella għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla għat-turisti
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru jilqa’ r-riżultati rekord fit-turiżmu, jappella għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla għat-turisti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow