STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imnedija skema ġdida għall-bdiewa li se toffri għajnuna finanzjarja għall-agroforestrija
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda skema ġdida ta' għajnuna finanzjarja li għandha l-għan li tappoġġa lill-bdiewa Maltin u Għawdxin fl-adozzjoni ta' sistemi għall-agroforestrija, li jinkludu t-tħawwil ta' siġar tal-frott. Din l-iskema hija pass importanti fil-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli tal-biedja f'pajjiżna.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li permezz ta' din l-inizjattiva, il-Gvern se jagħti appoġġ finanzjarju lill-bdiewa li jintegraw il-prattiċi tal-forestrija mal-biedja fuq l-istess art, sistema li tgħin fil-konservazzjoni tal-ħamrija, it-titjib tal-bijodiversità u sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija. Kompla li din l-iskema, li għandha baġit ta' €600,000 iffinanzjati minn fondi nazzjonali, għandha l-għan li tħeġġeġ lill-bdiewa jużaw metodi moderni li jżidu s-sostenibbiltà u l-produttività tal-art tagħhom. Huwa temm jgħid li din l-iskema hija wkoll allinjata mal-miri ta' pajjiżna għall-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tar-riżorsi naturali.
Id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), Louisa Formosa, qalet, “Din l-iskema toffri opportunità lill-bdiewa biex jadattaw sistemi aktar sostenibbli li mhux biss jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżda jtejbu wkoll is-saħħa tal-ħamrija u l-produttività agrikola. Il-finanzjament għal din l-iskema huwa maħsub biex jappoġġja l-bdiewa f'dan il-proċess ta' bidla, u għalhekk inħeġġeġ lil dawk eliġibbli biex jikkuntattjaw lill-ARPA għal aktar informazzjoni u gwida dwar l-applikazzjoni".
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema issa huma miftuħa, u l-bdiewa interessati huma mħeġġa japplikaw permezz tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA). Għal aktar informazzjoni, il-bdiewa jistgħu jikkuntattjaw lil ARPA fuq 22926148 jew permezz ta' email fuq arpa.mafa@gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN