STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u ARMS Ltd favur aktar kollaborazzjoni dwar il-qasam tal-proprjetà f’pajjiżna
Il-Gvern qed ikompli jiġbor l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-proprjetajiet f'pajjiżna, din id-darba permezz ta' ftehim ta' kollaborazzjoni u l-qsim ta' data bejn l-Awtorità tad-Djar u ARMS Ltd.
L-għan aħħari wara dan il-ftehim huwa biex il-Gvern ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni tad-djar għal skopijiet ta' riċerka u titjib fil-policies relatati mal-istess qasam, filwaqt li jassigura li din id-data tiġi protetta.
Il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, saħaq li dan il-ftehim huwa pass ieħor importanti fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna. “Permezz ta' dan il-ftehim, se jkollna stampa aktar realistika u korretta tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f'pajjiżna, u dan huwa fundamentali biex inkomplu nimplimentaw miżuri li jgħinu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tal-istat."
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, sostniet kif “Dan il-ftehim huwa pass konkret biex nużaw il-konsum tal-enerġija bħala punt ta' referenza għal policies u inizjattivi. Permezz ta' dan il-ftehim se nkunu nistgħu nixprunaw inizjattivi aktar ġusti u sostenibbli."
Dan il-ftehim joħloq struttura bejn l-entitajiet konċernati li tippermetti u tiffaċilita r-riċerka, il-qsim tal-informazzjoni u l-istatistika b'mod ħolistiku. Permezz ta' din l-informazzjoni, l-Awtorità tad-Djar se tkun tista' tipprovdi stampa aktar ċara ta' kemm qed isir użu effiċjenti mill-proprjetà residenzjali f'Malta. Eventwalment, l-Awtorità tkun tista' tinkoraġġixxi aktar l-użu ta' dawn id-djar billi taġġorna l-iskemi tagħha u tintroduċi inċentivi ġodda.
Matthew Zerafa, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, spjega kif “L-iffirmar ta' dan il-MOU huwa pass importanti lejn aktar trasparenza u effiċjenza fis-settur tad-djar. Qegħdin nibnu l-politika u l-għajnuniet tagħna abbażi tad-data u l-informazzjoni miġbura li minnha jibbenefikaw kemm ir-residenti kif ukoll l-imsieħba soċjali kollha f'dan is-settur."
George Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-ARMS, żied jgħid illi meta l-entitajiet tal-Gvern jaħdmu flimkien, ikunu qegħdin jassiguraw ħidma aktar effettiva u effiċjenti, xprunata mid-data u r-riċerka biex tissaħħaħ il-politika konċernata.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN