STQARRIJA MILL-AQUATIC RESOURCES MALTA Aquatic Resources Malta tippubblika t-totali proviżorji għall-istaġun tas-sajd tal-lampuki għas-sena 2024
Aquatic Resources Malta, l-aġenzija governattiva responsabbli mir-riċerka fl-oqsma tas-sajd u tal-akwakultura, ħabbret riżultati indikattivi li joħorġu minn stħarriġ intern li wettqet fir-rigward tas-sajd tal-lampuki għas-sena 2024 li huwa bbażat fuq is-sottomissjonijiet tal-logbooks tas-sajd. Dan l-istudju jitfa' dawl kemm fuq is-sajd bl-użu tal-kannizzata tradizzjonali u kif ukoll bl-użu tal-konzijiet.
Ir-riżultati juru li t-total proviżorju ta' lampuki li nqabad tramite l-użu tal-kannizzata tradizzjonali laħaq 123 tunellati. Dan ikompli juri tendenza ta' tnaqqis li ġie rreġistrat matul dawn l-aħħar snin. Fl-istess ħin, it-total ta' lampuki li nqabdu fl-ibħra lokali bl-użu tal-konzijiet, laħaq total rekord ta' 8.36 tunellati. Dan l-ammont juri żieda ta' iktar minn 400 kilogramma minn dak li ġie rreġistrat matul is-sena 2023. Il-qabda totali li saret bil-konzijiet fl-2024 qabżet ukoll l-ammonti ugwali li kienu rreġistrati matul l-2022 u l-2023.
Aquatic Resources Malta rrimarkat li dawn ir-riżultati jkomplu jitfgħu dawl fuq is-sitwazzjoni b'rabta mas-sajd tal-lampuki bl-użu tal-kannizzata tradizzjonali kif ukoll bl-użu tal-konzijiet. Sabiex l-aġenzija tkompli tifhem aħjar is-sitwazzjoni reġjonali dwar il-qbid tal-lampuki, qed tikkontribwixxi fi programm ta' riċerka dwar il-lampuki kkordinat mill-Kummissjoni Ġenerali dwar is-Sajd fil-Mediterran. Is-sena li għaddiet, l-uffiċjali fi ħdan l-Aquatic Resources Malta li jwettqu r-riċerka nnutaw li kien hemm tendenza li l-lampuki bdew jimmaturaw kmieni meta mqabbel ma' snin preċedenti.
Minħabba li l-ispeċi għandha importanza soċjali u ekonomika fil-Punent u fiċ-Ċentru tal-Mediterran, dan il-programm ta' riċerka dwar il-lampuki qiegħed jitwettaq ma' erba' pajjiżi ewlenin li huma involuti fis-sajd tal-lampuki: l-Italja, Spanja (fil-Gżejjer Baleariċi), it-Tuneżija u Malta. Minn dak li hu magħruf dwar il-mudell migratorju tal-lampuki u l-istruttura ġenetika koerenti tiegħu fil-Mediterran, il-popolazzjoni tista' titqies bħala stokk wieħed li s-sajd tiegħu huwa kondiviż minn diversi pajjiżi kostali. Dan jitlob sforzi kordinati fil-valutazzjonijiet tal-popolazzjoni tal-lampuki u l-immaniġġjar tas-sajd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN