Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Investiment fil-Ġibjun tan-Naxxar li jservi 9 lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta

pr250156
Date Icon 30/01/2025

Għaddejjin ix-xogħlijiet ta' rinovazzjoni fil-Ġibjun tan-Naxxar; pass kruċjali fit-titjib tal-infrastruttura tal-ilma f'Malta. Il-Ġibjun tan-Naxxar, b'kapaċità ta' 24,185m³, jipprovdi ilma potabbli fil-lokalitajiet tan-Naxxar, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, il-Għargħur, il-Madliena, Tal-Ibraġġ, San Ġwann, Birkirkara, u l-Iklin, u se jkun qed jaqdi wkoll il-lokalità tal-Mellieħa fil-futur.

Permezz ta' dan il-proġett qed jiġu indirizzati t-tnixxijiet, jinbidlu s-soqfa u l-kolonni, jitkabbar il-pipeline tal-ħruġ tal-ilma, filwaqt li jiġu installati pannelli solari b'kapaċità ta' 600kWp fuq is-saqaf tal-ġibjun.

Matul żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) Karl Cilia, ġie diskuss kif dan il-proġett kruċjali, b'investiment ta' €3 miljun, huwa parti minn inizjattiva usa' taħt il-Pjan Nazzjonali għall-Investiment (NIP) li jinkludi wkoll rinovazzjonijiet fil-ġibjun ta' Ħal Luqa u n-Naval reservoir.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq kif dan il-proġett jippromwovi kontabbiltà u trasparenza filwaqt li jgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali mill-karbonju. “Il-prijorità tagħna hija li nissalvagwardjaw is-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista tal-ilma f'pajjiżna. Billi nimmodernizzaw infrastruttura kruċjali bħal dan il-ġibjun, qed ninvestu f'futur sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri," żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

Dan ix-xogħol fuq il-Ġibjun tan-Naxxar, mibni fl-1938, beda l-ġimgħa li għaddiet u huwa mistenni li jitlesta sa nofs Marzu 2025. Matul dan il-perjodu, il-ġibjun se jkun dekummissjonat temporanjament waqt li jinbena ħajt ta' rinfurzar biex tinżamm is-saħħa tan-network.

Il-Kap Eżekuttiv ta' WSC, Karl Cilia, qal, “Nibqgħu impenjati li nżommu l-ogħla standards ta' kwalità tal-ilma u servizz għall-klijenti tagħna. Dan il-proġett juri d-dedikazzjoni tagħna lejn l-eċċellenza tal-infrastruttura u l-approċċ proattiv tagħna biex niggarantixxu futur tal-ilma sostenibbli għal Malta. Jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi b'kapaċità ta' 600kWp fuq is-saqaf tal-ġibjun, u b'hekk jenfasizza aktar l-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà."

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-ilma, ġie mfassal pjan ta' kontinġenza biex iċ-ċentru ta' pajjiżna jiġi fornut direttament mill-linji tal-produzzjoni. Dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-pressjoni tal-ilma għal xi utenti, iżda hemm miżuri xierqa biex tinżamm il-kwalità. Ladarba l-proċess ta' modernizzazzjoni jitlesta, il-ġibjun imtejjeb jerġa' jibda jopera u jsaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma ta' Malta, filwaqt li joffri provvista aktar effiċjenti lill-komunitajiet tal-madwar.

Storikament, il-Ġibjun tan-Naxxar kien iservi bħala tank ta' distribuzzjoni kruċjali, u jirċievi l-ilma mill-istazzjon tal-ippumpjar ta' Wied il-Għasel. Matul is-snin, ġie aġġornat b'teknoloġija moderna biex ir-rwol ewlieni tiegħu fin-network tal-provvista tal-ilma ta' Malta jibqa' intatt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Investiment fil-Ġibjun tan-Naxxar li jservi 9 lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Investiment fil-Ġibjun tan-Naxxar li jservi 9 lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Investiment fil-Ġibjun tan-Naxxar li jservi 9 lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow