STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Strateġija dwar l-integrazzjoni għal koeżjoni soċjali u komunitajiet sikuri
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg nediet it-tieni strateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni u l-pjan ta' azzjoni li tkopri sal-2030.
Ġie spjegat li din l-istrateġija hija kumplimentari għal miżuri li tħabbru fil-Malta Labour Migration Policy li tipprovdi sabiex ħaddiema barranin li l-ekonomija teħtieġ iridu qabel xejn jissodisfaw numru ta' kundizzjonijiet u jagħmlu taħriġ li jiffaċilita l-integrazzjoni f'Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li din l-istrateġija qiegħda tibni fuq l-esperjenza tal-istrateġija preċedenti u fost oħrajn ser issaħħaħ il-programm ta' integrazzjoni 'I Belong' li ser ikun aktar aċċessibbli billi ser jibda jkun provdut minn numru akbar ta' istituzzjonijiet edukattivi. Dan il-programm ipprovda taħriġ dwar il-lingwa, l-kultura u l-identità Maltija lil aktar minn 5,000 barrani mit-twaqqif tiegħu fl-2018 u hemm lista twila ta' persuni li diġà applikaw biex jagħmlu dan it-taħriġ.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg sostniet li l-politika tal-integrazzjoni tirnexxi u tkun suċċess kemm-il-darba jkun hemm rieda miż-żewġ naħat. Hija qalet li storikament, il-Maltin dejjem kienu kapaċi jgħixu f'armonija mal-barranin li għal raġuni jew oħra kienu fostna.
Hija qalet li din il-politika ser titwettaq fost oħrajn b'finanzjament ta' sitt miljun ewro mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem ser ikollu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tagħha. Ser jinħatar ukoll Kunsill Konsultattiv mal-istakeholders biex jipproponi azzjonijiet oħra li jkunu meħtieġ f'dan il-qasam.
“Bl-impenn ta' kulħadd, ilkoll flimkien iridu niġbdu ħabel wieħed biex ikollna soċjetà iktar inklussiva u ma nħallux il-beżgħet u l-preġudizzji tal-ksenofobija joħolqu ħitan li joħonqu l-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet tagħna bi kliem ta' mibegħda u b'sentimenti razzisti li qatt ma' għandhom jiġu aċċettata," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN