STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta u l-Eġittu jkomplu jsaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom fis-settur tal-enerġija u jkomplu jibnu fuq ftehim milħuq is-sena li għaddiet permezz ta’ MOU iffirmat f’Malta
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli ltaqgħet mal-Ministru Eġizzjan għall-Elettriku u l-Enerġija Rinovabbli Mahmoud Esmat fejn iddiskutew opportunitajiet li ż-żewġ naħat jistgħu jaħdmu fuqhom. Fost dawn hemm is-settur tar-rinnovabbli, l-infrastruttura tad-distribuzzjoni, u interkonessjonijiet virtwali.
Bħala żewġ pajjiżi fil-Mediterran, Malta u l-Eġittu ftehmu li jaħdmu flimkien biex aktar pajjiżi tal-Mediterran jinvestu f’enerġija rinnovabbli biex isir ċentru ta’ enerġija nadifa.
“Malta u l-Eġittu huma pajjiżi ħbieb, u flimkien nistgħu nkomplu nippromwovu l-inizjattiva li bdejna Malta permezz tal-MED9 biex il-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa. Iż-żewġ pajjiżi nemmnu li b’aktar kollaborazzjoni bejnietna nistgħu noħolqu opportunitajiet ekonomiċi fis-settur tal-enerġija li jistgħu jwasslu għal aktar stabbilita fil-Mediterran,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Matul din iż-żjara ġew diskussa soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jgħinu biex is-sistema tal-elettriku tkun aktar reżiljenti anke quddiem ir-realtà tat-tibdil fil-klima, b’żidiet qawwija fit-temperaturi li ż-żewġ pajjiżi esperjenzaw.
Iż-żewġ naħat tkellmu dwar proġetti futuri li qegħdin jaħdmu fuqhom bħalissa u li jistgħu joffru opportunità ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Fost dawn hemm proġetti ta’ interkonessjonijiet li Malta qed taħdem fuqhom biex tkompli ssaħħaħ l-konnessjonijiet tagħha mal-Italja u proġetti li l-Eġittu qed jaħdem fuqhom biex ikompli jsaħħaħ il-konnessjonijiet tiegħu mal-Ewropa. F’dan ir-rigward iż-żewġ naħat qed jiddiskutu l-possibilità ta’ interkonessjoni virtwali la darba dawn il-proġetti jkunu implimentati u qed jaħdmu.
Iż-żewġ naħat ftehmu li se jkomplu bil-laqgħat tagħhom fuq livell tekniku u anke politiku biex ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi tkompli tissaħħaħ.
Tul iż-żjara fl-Eġittu, il-Ministru Dalli żaret ukoll kumpaniji differenti fis-settur tal-enerġija li huma involuti fil-manifattura ta’ teknoloġiji innovattivi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN