STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Gvern katalista fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna
- Ir-rapport annwali 2024 tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg jikkonferma l-bidliet kbar li saru f'dawn l-aħħar snin
“Il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, id-DIER, huwa konferma ta' kemm is-sena 2024 kienet is-sena li fiha komplejna nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema." Hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ppreżentat ir-rapport ta' ħidma tad-DIER għas-sena li għaddiet.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq li dan ir-rapport jitfa' dawl fuq ir-riżultati li bdew iħallu sensiela ta' riformi u liġijiet ġodda li ddaħħlu f'dawn l-aħħar snin. Ewlenin fosthom ir-Regolamenti dwar l-Aġenziji tal-Impjieg, magħrufa aħjar bħala t-Temping Agencies, ir-Regolamenti dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, il-Liv tal-Paternità, il-Liv tal-Ġenituri u l-Carers' Leave, kif ukoll il-ftehim storiku dwar il-Paga Minima Nazzjonali u t-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Pagi Baxxi li tassigura l-aġġustament tal-paga minima minn żmien għal żmien. Minn dan ix-xahar, daħlet fis-seħħ ukoll liġi storika oħra tal-Equal Pay for Work of Equal Value.
Dawn il-liġijiet wasslu lid-Dipartiment sabiex iżid l-infurzar tiegħu biex jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu mħarsa. Is-Segretarju Parlamentari spjega li fil-qasam tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, jiġifieri fis-settur tal-food couriers f'pajjiżna, il-ħaddiema qed jingħataw kundizzjonijiet denji bħall-paga minima u drittijiet oħra bħall-bonuses, il-liv, liv tal-mard u ħlasijiet għas-sahra. Id-DIER saħansitra wettaq investigazzjonijiet fejn 5 kumpaniji ttieħdu passi kontrihom fuq nuqqas ta' koperazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għamel aċċenn għall-Unit il-ġdid fi ħdan id-DIER, li twaqqaf sabiex ikun jista' jassisti lill-aġenziji tax-xogħol u kif ukoll iwettaq due diligence rigoruża fuq l-applikanti. Hu tefa' dawl ukoll fuq l-ammont ta' aġenziji tax-xogħol liċenzjati, fejn dawn naqsu drastikament meta mqabbla mal-ammonti li kien hemm qabel iddaħħlu r-regolamenti fis-seħħ. Fil-fatt, ir-rapport tad-DIER juri li fl-2024 inħarġu 145 liċenzja, li 104 minnhom kienu aġenziji tat-temping u l-outsourcing, filwaqt li 9 applikazzjonijiet oħra ġew miċħuda. “B'hekk qed niżguraw li t-temping agencies f'pajjiżna joperaw b'mod serju u responsabbli, fejn kull liċenzja li tingħata ġġorr magħha serjetà u responsabbiltà," qal is-Segretarju Parlamentari.
Ir-rapport juri wkoll li permezz tal-ispettorat, id-Dipartiment investiga lmenti ta' persuni li kienu għadhom impjegati kif ukoll dawk li l-impjieg tagħhom kien ġie terminat. Permezz ta' dawn l-investigazzjonijiet, id-DIER irkupra u ta lura €1.6 miljun f'pagi. Is-Segretarju Parlamentari spjega wkoll li filwaqt li d-Dipartiment assista mat-43,000 persuna, huwa serva wkoll ta' pont bejn it-trejdunjins u min iħaddem. “Dan il-Gvern ma jarax li jipproteġi l-ħaddiem biss imma jara wkoll li jkun ta' sostenn għal min iħaddem," qal Dr Ellul.
Filwaqt li tkellem dwar sehem id-Dipartiment fl-isfera internazzjonali, b'mod partikolari f'rappreżentanza fl-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (l-ELA), fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO), il-Eurofound u fir-Rappreżentanza ta' Malta fi Brussell, irringrazzja lid-Dipartiment tax-xogħol kollu li wettaq għall-ġid tas-suq tax-xogħol li huwa indispensabbli għas-sostenibbiltà tal-pajjiż.
“Il-ġustizzja, l-ekwità u l-protezzjoni tal-ħaddiema huma l-valuri li qed jinbnew ta' kuljum, bi rwol essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Ir-rapport annwali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg jista' jiġi aċċessat hawnhekk:https://dier.gov.mt/en/Pages/home.aspx
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN