STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Iffirmat ftehim ta’ devoluzzjoni ta’ art lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għal ċentru ġdid għall-użu tal-komunità
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ppresedew l-iffirmar ta' ftehim ta' devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Grazzi għal dan il-ftehim, art tal-gvern ta' 1,180 metru kwadru fiż-żona magħrufa bħala 'Tal-Bebbux' fiż-Żurrieq, għaddiet għand il-kunsill lokali għall-użu tal-komunità biex fost oħrajn issir sala moderna fejn ikunu jistgħu jsiru diversi attivitajiet matul is-sena kif ukoll jiġu offruti servizzi oħra.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dawn id-devoluzzjonijiet huma turija ċara tal-fiduċja tal-gvern fil-kunsilli lokali biex ikomplu jsaħħu l-operat tagħhom għal benefiċċju tar-residenti. Il-ministru żied jgħid li l-Awtorità tal-Artijiet qed twettaq eżerċizzju tajjeb sabiex jiġu identifikati aktar artijiet u proprjetajiet tal-gvern li jistgħu jiġu utilizzati mill-kunsilli lokali jew għaqdiet mhux governattivi. “Persważ li din l-inizjattiva qed tagħti kontribut kbir lill-kunsilli lokali u nħares 'il quddiem għal aktar proġetti biex bħala gvern inkomplu niffaċilitaw is-servizzi liċ-ċittadini billi jkollna aktar binjiet pubbliċi ta' livell għoli u sostenibbli."
Il-ministru rrefera wkoll għall-iskema ta' capping sa massimu ta' €500 fuq kirjiet annwali għall-kunsilli lokali, ta' kwalunkwe art jew propjetà tal-gvern li ġiet introdotta fil-bidu tas-sena li għaddiet. Grazzi għal din l-iskema, l-istess kunsilli lokali jibqgħalhom f'idejhom aktar fondi li jistgħu jutilizzaw għall-bżonnijiet u proġetti oħra fil-lokalità.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta' din il-ftehim ta' devoluzzjoni qegħdin jagħtu aktar għodda lill-kunsill lokali sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu lir-residenti tagħhom. Kompliet li dan il-proġett se jservi sabiex itejjeb il-ħajja tal-familji. Hija temmet billi faħħret ix-xogħol li qiegħed isir minn dan il-kunsill u mill-ħaddiema kollha tiegħu.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-ftehim u tkellmet dwar il-ħidma tal-istess kunsill biex ir-residenti Żrieraq ikollhom servizzi dejjem aktar ċentralizzati u spazji addattati għal diversi attivitajiet tal-komunità.
Sadanittant ġiet ikkonfermata l-pożizzjoni tal-gvern li art pubblika oħra fiż-żona magħrufa bħala 'Tal-Bebbux' tista' tintuża biss għal skopijiet favur il-komunità u parti ser tibqa' spazju miftuħ. Fl-aħħar ġimgħat ġiet emendata l-applikazzjoni li kienet saret quddiem l-awtorità biex tistabbilixxi t-toroq, l-użu u l-għoli tal-bini f'din iż-żona. Minn dokumenti sottomessi ftit ġimgħat ilu lill-Awtorità tal-Ippjanar, jirriżulta li issa, l-art li hija tal-gvern ġiet eskluża kompletament mill-proposta ta' żvilupp u minflok qed tkun iddikjarata bħala sit ta' Kategorija B għall-użu soċjali biss. Aktar minn hekk qed ikun iddikjarat li arja ta' daqs ta' 750 metru kwadru minn din l-art pubblika trid tinżamm bħala spazju miftuħ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN