STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri biex isostnu aħjar persuni b’diżabilità
Il-Gvern qed iwettaq pass importanti ieħor biex isaħħaħ is-sostenn lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, billi jintroduċi għadd ta’ miżuri ġodda li bdew jidħlu fis-seħħ minn Jannar 2025, u li se jkomplu jidħlu fis-seħħ matul is-sena l-ġdida.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, waqt żjara li għamlet fiċ-ċentru ta’ Aġenzija Sapport fi Fleur De Lys, flimkien mas-Segretarju Permanenti Anthony Gatt u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Waqt iż-żjara ngħataw dettalji dwar skemi u miżuri tal-Budget 2025 li daħlu fis-seħħ minn dan ix-xahar, fejn 10 minn 12-il miżura diġà ġew implimentati.
Dawn il-miżuri jinkludu rifużjoni tat-taxxa li telgħet minn €500 għal €750 għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità fuq spejjeż ta’ terapiji speċjalizzati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skema ġdida għal dawk li ma jħallsux taxxa. Bħala parti minn dan l-impenn, l-allowance li tingħata lill-familji bi tfal li jbatu minn diżabilità fiżika jew mentali se tiżdied b’€5 oħra fil-ġimgħa għal €35 fil-ġimgħa filwaqt li se jkun hemm ukoll żieda fil-Carers Grant li hija ekwivalenti għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta. Din l-għotja ser togħla b’€193 oħra biex issa ser tilħaq €5,190 fis-sena.
Il-Carers Grant se tibda titħallas ukoll lill-ġenituri li ma jaħdmux, li għandhom tfal b’diżabilità taħt is-16-il sena u li l-kundizzjoni tagħhom tkun meqjusa li hija severa ħafna u li tirrikjedi l-kura kontinwa u kostanti tal-ġenitur. Ġenituri li jibbenefikaw minn din l-għotja se jingħataw ukoll krediti ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni fil-futur.
Fl-istess ħin, hemm żidiet sostanzjali fl-assistenza għal persuni b’diżabilità, b’rati ogħla ta’ għajnuna kemm għal diżabilità severa kif ukoll għal carers li jieħdu ħsieb membri tal-familja. Għal dawk li qed jieħdu ħsieb żewġ membri tal-familja b’livell għoli ta’ dipendenza, il-benefiċċju issa se jiżdied għal darba u nofs ir-rata attwali. Barra minn hekk, il-Gvern qed jibda proġett pilota li jipprovdi servizz ta’ filgħaxija għal persuni b’diżabilità severa, u qed jiftaħ ċentru ġdid matul il-jum biex jindirizza bżonnijiet differenti ta’ anzjani b’diżabilità.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom, billi jipprovdi appoġġ aktar sostanzjali u servizzi aktar effettivi li jilqgħu għall-isfidi ta’ kuljum. “Dan il-Gvern huwa impenjat li ma jħalli lil ħadd warajh. Dawn il-miżuri huma xhieda ċara tal-impenn tagħna li nagħtu s-sostenn meħtieġ lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, sabiex kull persuna b’diżabilità u l-familji tagħhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja dinjituża.”
Din hija tabella simplifikata biż-żidiet li qed jidħlu fis-seħħ tul din is-sena:
| Miżura | Żieda | Figura aġġornata minn Jannar 2025 |
| Il-kreditu tat-taxxa jingħata bħala għajnuna għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità fuq spejjeż ta' terapiji speċjalizzati | +€250 | €750 |
| Ġenituri li għandhom tfal b'diżabilità u li ma jħallsux taxxa, se jibbenefikaw minn skema ġdida ta' għajnuna fuq spejjeż ta' terapiji speċjalizzati. | Miżura ġdida | Miżura ġdida |
| Servizz ta' filgħaxija lil persuni b'diżabilità severa | Miżura ġdida | Miżura ġdida |
| Jinfetaħ ċentru ieħor matul il-jum għall-anzjani b'diżabilità | Miżura ġdida | Miżura ġdida |
| Żieda fl-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa | +€7.42 fil-ġimgħa | €199.61 fil-ġimgħa |
| Żieda fl-Assistenza għal Diżabilità Severa | €3.49 fil-ġimgħa | €128.15 fil-ġimgħa |
| Żieda fl-Assistenza Miżjuda għal Carers | €5.24 fil-ġimgħa | €179.02 fil-ġimgħa |
| Żieda fl-Assistenza għal Carers* | €5.24 fil-ġimgħa | €125.92 |
| Żieda fl-allowance għal tfal b'diżabilità | €5 fil-ġimgħa | €35 fil-ġimgħa |
| Titjib fil-Carers Grant lill-familji bi tfal b'diżabilità ** | €193 fis-sena | €5,190 fis-sena |
| Krediti ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għall-ġenituri li jibbenefikaw mill-Carers Grant | Miżura ġdida | Miżura ġdida |
* F’każi fejn persuni jkunu qed jieħdu ħsieb waħidhom 2 membri tal-familja b’dipendenza għolja jew medja, sal-lum dawn huma intitolati biss għal ħlas ta’ rata waħda tal-Allowance Miżjuda għal Carer jew tal-Allowance għal Carer. Minn din is-sena, dawn il-persuni se jibdew jieħdu darba u nofs ir-rata tal-benefiċċju li għaliha jkunu intitolati.
** Il-Carers Grant se tibda titħallas ukoll lil ġenituri li ma jaħdmux.
Għal aktar informazzjoni dwar xi skema partikolari, wieħed jista’ jċempel il-freephone 153.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN