Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “Malta ttenni l-impenn tagħha lejn il-paċi globali” – id-Deputat Prim Ministru lid-diplomatiċi

pr250058
Date Icon 16/01/2025

Malta se tkompli tħeġġeġ id-djalogu favur il-paċi u s-soluzzjonijiet għall-kunflitti madwarna

“Malta se tkompli tagħmel l-almu kollu tagħha biex tħeġġeġ id-djalogu, u tappoġġa diplomazija effettiva favur il-paċi u s-soluzzjonijiet għall-kunflitti madwarna".

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ikkonferma mill-ġdid l-impenn ta' Malta lejn il-paċi globali waqt l-avveniment annwali tal-awguri tas-Sena l-Ġdida għall-ambaxxaturi u l-kummissarji għolja, nhar l-Erbgħa filgħaxija.

B'riflessjoni lejn is-sena 2024, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg esprima l-ħajr tiegħu għas-sehem kostruttiv tal-komunità diplomatika waqt sena ta' sfidi globali. Huwa nnota li l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-instabbiltà kontinwa fil-Lvant Nofsani, u l-kunflitti f'reġjuni bħas-Sudan, kienu ta' sfida għar-reżiljenza globali iżda wkoll enfasizzaw l-irwol kritiku tal-kollaborazzjoni multilaterali.

"Fil-Lvant Nofsani, Malta se tkompli tinsisti li s-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati hija l-unika riżoluzzjoni vijabbli, paċifika, u ġusta li tindirizza l-aspirazzjonijiet leġittimi kemm tal-Iżrael kif ukoll tal-Palestina," qal id-Deputat Prim Ministru Borg. Dwar dan, Malta tilqa' l-aħbar tal-Erbgħa filgħaxija li ntlaħaq qbil ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Hamas u Israel, kompla jgħid, hekk kif irringrazzja lil Qatar, l-Istati Uniti u l-Eġittu għall-irwol tagħhom f'dan l-iżvilupp.

Dwar l-Ukrajna, enfasizza l-impenn ta' Malta biex taħdem mal-imsieħba globali biex tinkiseb paċi komprensiva, ġusta, u dejjiema, skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.

Il-kisbiet ta' Malta fix-xena internazzjonali kienu wkoll fuq l-aġenda matul l-avveniment tal-Erbgħa. Id-Deputat Prim Ministru Borg qal li r-rwol ta' Malta bħala president tal-OSCE u t-tmexxija tagħha ta' sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda kkonfermaw l-impenn kondiviż biex l-istituzzjonijiet multilaterali jibqgħu funzjonali u adattabbli. "Irnexxielna nilħqu qbil fuq il-karigi ta' tmexxija fl-ogħla livell tal-OSCE u dwar il-Presidenza tal-2026, f'Diċembru li għadda", fakkar id-Deputat Prim Ministru Borg. Bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, Malta avvanzat inizjattivi dwar il-bidla fil-klima, it-tfal u l-kunflitti armati, u n-nisa, il-paċi, u s-sigurtà.

Fiż-żmien li ġej, Malta se tkun qed tippresjedi l-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru ta' din is-sena. Id-Deputat Prim Ministru Borg se jippresjedi wkoll il-Grupp Ministerjali ta' Azzjoni tal-Commonwealth (CMAG) u l-Grupp tal-Imsieħba Ażjatiċi tal-OSCE, rwoli li se jkomplu jsaħħu l-irwol ta' Malta fid-diplomazija globali.

Id-Deputat Prim Ministru esprima t-tama ta' Malta li l-Unjoni Ewropea tkompli tirreġistra progress fil-milja tagħha biex tilqa' membri ġodda, abbażi tal-mertu, u żied jgħid li l-futur tal-Unjoni Ewropea jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi relazzjonijiet b'saħħithom mal-imsieħba tagħha.

Hekk kif tenna l-impenn ta' Malta li tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet bilaterali globali, huwa ħeġġeġ ukoll lid-diplomatiċi preżenti biex jikkunsidraw it-turiżmu bħala waħda mill-industriji li jistgħu jipprovdu bosta opportunitajiet għall-kummerċ u l-interazzjonijiet meħtieġa bejn pajjiżi differenti. F'dan ir-rigward, Malta tħares 'il quddiem biex tesplora kollaborazzjonijiet ġodda, speċjalment fi swieq u niċeċ differenti bħalma huma t-turiżmu kulturali, sportiv, u reliġjuż, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-konnettività bl-ajru b'inizjattivi bħat-titjiriet diretti ġodda bejn Malta u l-Qatar li tħabbru l-ġimgħa li għaddiet.

Fil-konklużjoni tad-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Borg rringrazzja lill-Ambaxxaturi u l-Kummissarji Għolja preżenti għall-ħidma tagħhom biex isaħħu r-rabtiet soċjali u ekonomiċi bejn il-pajjiżi, waqt li ħares 'il quddiem lejn diskussjonijiet dwar opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni fix-xhur li ġejjin.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “Malta ttenni l-impenn tagħha lejn il-paċi globali” – id-Deputat Prim Ministru lid-diplomatiċi
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “Malta ttenni l-impenn tagħha lejn il-paċi globali” – id-Deputat Prim Ministru lid-diplomatiċi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow