Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iċċelebrati l-kisbiet ta’ 10 snin ħidma tal-King’s Trust International Achievements f’Malta

PR250054
Date Icon 15/01/2025

F’dawn l-aħħar 10 snin ta’ ħidma f’Malta tal-King’s Trust International Achievements (KTI), 2,054 student u studenta f’pajjiżna kisbu livelli differenti ta’ kwalifikazzjonijiet li għenuhom biex isibu ruħhom fis-suq tax-xogħol. Din hija waħda biss mill-kisbiet f’dawn l-aħħar għaxar snin tal-KTI kemm ilha topera f’Malta, li bħala sħab prinċipali għandha lil HSBC Malta Foundation.

King’s Trust International Achievements kienet imwaqqfa fl-2015 mir-Re Karlu III, dak iż-żmien bħala l-Prince Trust International u topera f’20 pajjiż mifruxin fil-Karibew, l-Asja, l-Afrika, l-Lvant Nofsani u l-Ewropa.

Hemm 61 skola f’pajjiżna li jipparteċipaw f’dan il-programm tal-KTI, madwar 300 edukatur li ngħataw taħriġ u jipparteċipaw fil-programm, filwaqt li 554 student u studenta rnexxielhom ukoll jiksbu kwalifikazzjoni MQF fuq livell 3.

“Dan huwa programm suċċess, grazzi għal dawk kollha involuti fih, li b’impenn, dedikazzjoni u ħidma qed jagħtu opportunità oħra fis-settur edukattiv lill-istudenti, biex mhux biss jiksbu riżultati u kwalifikazzjonijiet, imma wkoll iressquhom lejn id-dinja tax-xogħol,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima f’għeluq iċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu.

Għaċ-ċelebrazzjoni li tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Geoffrey Fichte, attendew Diretturi Ġenerali u wkoll Diretturi, Kapijiet ta’ Kulleġġi u Skejjel, kif ukoll edukaturi kemm mill-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u wkoll Indipendenti. Kienu preżenti wkoll Il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, rappreżentanti ta’ Agenzija Żgħażagħ, tal-Fondazzjoni RISe, ta’ Soup Kitchen u tal-Fondazzjoni J A Malta.

Matul iċ-ċelebrazzjoni ngħata rendikont tal-10 snin ta’ ħidma, mit-tnedija fl-2015 tal-Prince Trust International f’Malta mir-Re Karlu III nnifsu, li huwa l-patrun tal-KTI, sal-kisbiet importanti matul dawn is-snin.

Kisba notevoli kienet fis-sena skolastika 2019/20 meta l-istudent Katriel Zahra mill-Kulleġġ Santa Margerita, Skola Sekondarja Verdala kien intgħażel minn mijiet ta’ studenti minn madwar id-dinja u ġie nominat bħala r-rebbieħ tar-Reġjun tal-Ewropa tal-Prince’s Trust Global Awards. Fis-sena skolastika 2022/23 kien imiss lill-istudent Christian Axisa mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl li wkoll rebaħ il-premju tar-Reġjun tal-Ewropa tal-Global Young Achiever award.

“Dan huwa programm ieħor li qed iħalli ħafna ġid fost l-istudenti tagħna, grazzi għall-kollaborazzjonijiet li hemm bejn l-imsieħba kollha, u fuq kollox grazzi wkoll għad-determinazzjoni ta’ Maureen Amoroso, li ilha tmexxi l-operat f’Malta mis-sena skolastika 2016/17,” qal il-Ministru Clifton Grima, filwaqt li inkoraġixxa lill-istudenti u l-edukaturi kollha li jipparteċipaw f’dan il-programm.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iċċelebrati l-kisbiet ta’ 10 snin ħidma tal-King’s Trust International Achievements f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow