STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-konferenza ‘Celebrating Sport in Malta’ tiċċelebra għeluq l-għaxar snin ta’ suċċess ta’ SportMalta
“Għaxar snin ta' ħidma fis-settur importanti tal-isport f'pajjiżna. Matulhom rajna progress kbir li permezz tiegħu għamilna qabża ta' kwalità". B'dan il-mod iddeskriva l-ħidma ta' SportMalta l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu ta bidu għall-konferenza 'Celebrating Sport in Malta', li qed issir proprju f'għeluq l-għaxar snin ta' ħidma ta' din l-entità sportiva.
Il-Ministru Grima fakkar fil-ħidma li saret matul dawn l-għaxar snin, mhux biss fit-twettiq ta' proġetti infrastrutturali b'investiment bla preċedent, imma wkoll fl-għajnuna li ngħatat lill-assoċjazzjonijiet, għaqdiet u klabbs sportivi, anke fl-għajnuna finanzjarja diretta lill-atleti u l-isportivi.
“Dan qed iwassal għas-suċċess f'dan is-settur, mhux biss bħala Nazzjon, imma wkoll fuq livell ta' assoċjazzjonijiet u fuq livell personali tal-atleti ta' pajjiżna. Din il-ħidma wasslet ukoll għal suċċess f'diversi kompetizzjonijiet sportivi, għal aktar promozzjoni tal-isport u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Gvern f'dan is-settur. Ħidma li wkoll qed twassal biex pajjiżna qed dejjem aktar isir ċentru fejn nilqgħu avvenimenti sportivi ta' kalibru internazzjonali", spjega l-Ministru Clifton Grima.
Huwa ta ħarsa wkoll lejn il-ħidma f'dan is-settur għal din is-sena, fosthom, għal dawk li huma proġetti kapitali, t-tkomplija tax-xogħol fuq il-proġett tat-trakka tal-karozzi, b'kollaborazzjoni mal-Malta Motorsport Federation u aktar xogħol fil-hub sportiv tal-Marsa li se jwassal għall-inawgurazzjoni tat-tielet u l-aħħar parti tal-proġett. “Se jkompli wkoll it-titjib fil-faċilitajiet mibnija, fosthom dawl ġdid fil-Pixxina Nazzjonali li għat-tieni sena infila se tospita l-Final 4 taċ- Champions League, kompetizzjoni li tiġi segwita minn miljuni madwar l-Ewropa", ħabbar il-Ministru Grima.
Apparti l-investiment infrastrutturali, se jkompli l-investiment finanzjarju li minnu se jkomplu jgawdu l-assoċjazzjonijiet sportivi u wkoll b'mod dirett l-atleti. “Wara s-suċċess miksub fl-2023, din is-sena hija wkoll sena tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u għalhekk se jsir investiment fil-preparazzjoni tal-atleti", qal il-Ministru Grima.
Il-ħidma tinkludi wkoll programm ġdid għall-attivitajiet wara l-ħin tal-iskola fiċ-ċentri ta' SportMalta, biex iktar nies ta' kull età jipparteċipaw fl-isport u l-attività fiżika. Dan il-programm se jsir wara konsultazzjoni mal-imsieħba fis-settur.
Il-Ministru Grima fakkar ukoll fil-miżura li tħabbret fil-budget għal din is-sena, sitt xhur gym bla ħlas għaż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007, li se titnieda dalwaqt.
Il-konferenza hija mifruxa fuq jumejn u fid-diversi sessjonijiet li qed isiru hemm diskussjonijiet bl-involviment dirett ta' dawk midħla ta' diversi dixxiplini sportivi, fosthom coaches, edukaturi tal-isport, studenti atleti u esperti barranin.
Fid-diskorsi tagħhom, is-Segretarju Permanenti Matthew Vella u l-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar tennew li fl-aħħar għaxar snin huma kienu mdawrin b'timijiet ta' professjonisti li lkoll ikkontribwew għal dak kollu li kisbet l-entità f'dan iż-żmien.
Matul il-konferenza qed jipparteċipaw ukoll numru ta' kelliema Maltin u internazzjonali fosthom: il-President European Aquatics, il-Prof. António Silva, il-Professur Gregor Starc mill-Università ta' Ljubljana, il-Lettur Anzjan u Riċerkatur Dr John Xerri De Caro, u l-Kap Eżekuttiv tal-European Observatoire of Sport and Employment (EOSE), Aurélien Favre.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN