STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Diskors ta’ Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-Milied u l-Ewwel Tas-Sena
Insellmilkom.
Bi pjaċir għall-ewwel darba qiegħda nwasslilkom fi djarkom dan il-messaġġ fl-okkażjoni tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida.
Inħoss li b'dan il-messaġġ, hekk kif ninsabu lejliet ta' sena ġdida, nistgħu nirriflettu u nħarsu lura għal dak li għaddejna minnu bħala Stat tul din l-aħħar sena, u wkoll naraw kif dejjem nistgħu nagħmlu lil pajjiżna aħjar.
Din is-sena, Malta fakkret anniversarji importanti ħafna fl-istorja tagħha; fakkarna s-60 sena mill-Indipendenza, 50 sena mir-Repubblika u 20 sena mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Dawn l-avvenimenti importanti servew biex ilkoll nirriflettu dwar il-ġrajjiet storiċi li sawruna.
Nittama li din ir-riflessjoni għenitna nagħrfu l-fatt li l-preżent li ninsabu fih issawwar minn passat mimli sagrifiċċji, u kif il-futur jiddependi min dak li nagħmlu, b'mod kollettiv, aħna lkoll. Dan huwa pass importanti biex bħala poplu nimmaturaw f'kuntest demokratiku.
Fuq skala internazzjonali, għal darb'oħra, minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta kienet il-punt ta' referenza. F'din l-aħħar sena, Malta kienet fiċ-ċentru tal-ħidma multilaterali permezz tas-sehem tagħha bħala membru mhux permanenti fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll bħala ċ-Chair-In-Office tal-Organizzazzjoni ta' Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE. F'dawn iż-żewġ fora, minkejja ċ-ċokon tagħna, urejna biċ-ċar x'inhuma l-kapaċitajiet li aħna għandna.
Il-ħidma ta' Malta f'fora internazzjonali tirrifletti l-motivazzjoni ta' pajjiżna li minkejja ċ-ċokon tiegħu, jibqa' jibni l-politika barranija tiegħu fuq il-pilastri strateġiċi tal-paċi, sigurtà u prosperità fost il-ġnus kollha.
Dan sar aktar pertinenti llum fejn qed ngħixu bieb u għatba 'l bogħod minn żewġ kunflitti, bil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u bil-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Kuljum naraw eluf ta' ċittadini innoċenti, inkluż tfal, li jiġu maqtula jew midruba minħabba l-qirda tal-gwerra.
Malta kienet, għadha u tibqa' fuq quddiem nett biex tippromwovi l-paċi u d-djalogu li jwassal għall-kompromess biex jintemmu dawn l-atroċiajiet.
Issa nħarsu 'l quddiem biex il-ħidma ta' Malta tibqa' għaddejja, anke permezz tal-presidenza tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa fis-sena l-ġdida fejn għall-ewwel darba f'aktar minn għaxar snin, ser tittella' l-Konferenza Ministerjali għaż-Żgħażagħ f'Malta.
Pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-istatistika Ewropea fejn jidħol xogħol u tnaqqis fil-qgħad.
F'dak li għandu x'jaqsam ma' drittijiet ċivili, Malta żammet postha bħala l-aktar pajjiż Ewropew li jippromwovi dawn id-drittijiet.
Bħal kull sena oħra, din l-aħħar sena kienet waħda mimlija opportunitajiet u sfidi għal pajjiżna.
L-isfidi huma parti miċ-ċiklu naturali ta' pajjiż li, kulma jmur, qiegħed dejjem ifittex li jkompli javvanza; l-importanti huwa li nkunu dejjem konxji biex nidentifikaw dawn l-isfidi, u flimkien infittxu dawk it-toroq li jwassluna għas-soluzzjonijiet tagħhom.
Fl-aħħar sena wkoll, rajna kif fis-soċjetà tagħna, baqgħu jinbtu problemi soċjali u sfidi relatati ma' faxex differenti ta' nies.
Il-faqar materjali f'pajjiżna huwa preżenti, minkejja li ħafna drabi mhux daqstant evidenti. Minkejja li mxejna 'l quddiem b'ritmu mgħaġġel ugħandna soċjetà affluwenti, xorta waħda jibqa' individwi u familji li jkollhom bżonn sostenn u l-għajnuna.
In-nies dejjem jibqgħu jiffaċċjaw problemi li jinħolqu minn pressjonijiet soċjali, minn nuqqas ta' finanzi adegwati; ikun hemm ukoll problemi ta' saħħa fiżika, problemi ta' saħħa mentali, u fuq kollox sitwazzjonijiet li jpoġġu lil dak li jkun f'diffikultajiet kbar.
Nemmen li bħala poplu, kif dejjem għamilna, b'dedikazzjoni u determinazzjoni, kapaċi ningħaqdu u naffaċċjaw dawn l-isfidi b'mod effettiv, u bl-għaqda bejnietna għandna naslu.
Min imexxi għandu jikkunsidra l-fatturi kollha tal-effetti tal-progress fuq il-pajjiż, iżda, aħna lkoll, iċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, għandna nagħrfu li lkoll kemm aħna fid-dmir li l-parti tagħna nagħmluha, li l-ġurnata tax-xogħol nagħtuha, li jkun jimpurtana minn dak li qed jiġri madwarna u miċ-ċittadini sħabna, partikolarment, minn min ikun għaddej minn bżonnijiet u jkun qiegħed fid-diffikultà.
Il-ħarsien tal-ambjent naturali u urban tagħna, l-ispazji miftuħa u l-kampanja Maltija, is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku u infrastrutturali u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali f'demokrazija huma elementi importanti, u rridu nkunu aħna ċ-ċittadini minn tal-ewwel, biex niddefenduhom.
Iż-żgħażagħ, il-ġenerazzjoni ta' warajna, ser ikollhom l-irwol li joħolqu mekkaniżmi biex Malta u l-kumplament tad-dinja jkunu dejjem aktar sostenibbli. Il-progress hemm bżonn li naraw li ma jkunx konvertit f'rigress.
I now wish to convey my best wishes for the Festive Season to all the foreign communities who reside in Malta.
I am convinced that, despite religious, ethnic and societal differences, you have found in Malta a second home.
I would like to thank you all for your sterling societal contribution and commitment shown towards our nation; I assure you that your efforts enrich our social fabric are not unnoticed, and we make you welcome.
I wish you, and your loved ones close and afar, all the very best.
Qabel nagħlaq, b'mod partikolari nixtieq nirringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, tal-mod ta' kif ilqajtuni bħala l-Kap tal-Istat ta' pajjiżna. Inġedded magħkom il-wegħda li b'umiltà, nagħmel ħilti kollha biex minn dan l-irwol inkun ta' servizz għal Malta tagħna, u l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta' tama u kuraġġ; ix-xewqat sbieħ, l-altruwiżmu u s-solidarjetà huma marbuta ma' dawn iż-żminijiet festivi. Inħeġġeġ li jiġu estiżi għat-tul tas-sena kollha.
Nagħlaq billi f'ismi u f'isem żewġi nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom, Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija hena, sliem u fuq kollox saħħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN