STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Jitħallas l-ewwel pagament tal-COLA addizzjonali għas-sena 2025
Fi tmiem il-ġimgħa ser jitħallas l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Dan il-benefiċċju huwa intiż biex flimkien mas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali, ikompli jagħti sostenn lil eluf ta' familji quddiem l-isfida tal-inflazzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa filgħodu. Il-Ministru qal li din il-ġimgħa, ftit aktar minn 97,000 familja, ser jitħallsu l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-benefiċċju għall-2025 wara li twessa' l-benefiċċju biex igawdu aktar familji.
“Għal dan l-ewwel pagament tal-COLA addizzjonali, il-Gvern ser jinvesti total ta' kważi €24 miljun. Qed inkomplu nagħmlu dan għaliex verament nemmnu fin-nies, u huwa obbligu tagħna li nkomplu ninċentivaw u ngħinu bl-aqwa mod possibbli," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti, Mark Musu, qal illi l-mekkaniżmu biex jiddetermina l-ħlas tal-familji jqis żewġ fatturi, dak tad-dħul tal-familja jew tal-individwu mqabbel mal-livell ta' 60% tal-Medjan Nazzjonali Ekwivalizzat, u n-numru ta' persuni fil-familja.
Id-dħul tal-familja jew tal-individwu li qed jitqies din id-darba huwa dak tal-2023, skont id-dħul kif reġistrat mid-Dipartiment tat-Taxxa. Id-dħul li jgħodd huwa dak nett, wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa.
Allura aktar ma d-dħul ikun baxx, ogħla se jkun il-benefiċċju li jitħallas. L-istess jiġri fil-każ tad-daqs tal-familja, akbar ma hi kbira l-familja, aktar il-benefiċċju.
Il-benefiċċju jitla' sa massimu ta' €1500 fis-sena.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN