STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
“L-għaqda li ksibna b'tant sagrifiċċji hija kruċjali biex niżguraw il-kredibbiltà tagħna fl-isfera internazzjonali, u aħna lkoll responsabbli li nżommuha."– Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
- Malta tappoġġja l-appell għall-paċi globali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istabbiltà reġjonali
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, tenna l-impenn bla waqfien ta' Malta favur il-paċi globali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istabbiltà reġjonali waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin (FAC) li sar illum fi Brussell. Il-laqgħa, immexxija mir-Rappreżentant Għoli l-ġdida għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Kaja Kallas, indirizzat sfidi ġeopolitiċi kruċjali u r-rwol li qed jevolvi tal-Ewropa fid-diplomazija internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħti prijorità lill-għaqda u l-effiċjenza fl-operat tiegħu, filwaqt li saħaq li s-saħħa kollettiva tibqa' l-aktar assi prezzjuża tal-Ewropa. “L-għaqda li ksibna b'tant sagrifiċċji hija kruċjali biex niżguraw il-kredibbiltà tagħna fl-isfera internazzjonali, u aħna lkoll responsabbli li nżommuha," huwa qal.
Filwaqt li enfasizza l-importanza ta' alleanzi b'saħħithom, Ian Borg sejjaħ għal sħubijiet mibnija fuq rispett reċiproku u saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mħarsa l-prinċipji tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
Malta affermat mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Ukrajna, filwaqt li kkundannat il-vjolenza kontinwa u ddefendiet il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali. Id-Deputat Prim Ministru appella għal proċess ta' paċi komprensiv u ġust f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, filwaqt li enfasizza r-responsabbiltà tal-Ewropa li tindirizza l-kriżi umanitarja fix-xhur tax-xitwa diffiċli tal-Ukrajna.
Dwar is-sanzjonijiet, Malta appellat għal approċċ bilanċjat biex jiġu salvagwardjati l-industriji essenzjali filwaqt li tinżamm pressjoni fuq l-aggressuri.
B'reazzjoni għall-miżuri antidemokratiċi li qed jiżdiedu fil-Georgia, Malta esprimiet tħassib profond dwar il-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi u sejħet għal de-eskalazzjoni, żieda fl-appoġġ għas-soċjetà ċivili, u aktar involviment ma' atturi demokratiċi fir-reġjun. Malta wkoll saħqet fuq l-importanza li jinżammu miftuħa l-mezzi ta' komunikazzjoni.
Fir-rigward tal-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru kkundanna l-kriżi umanitarja li qed tmur għall-agħar u appella għal waqfien immedjat tal-ġlied, il-protezzjoni taċ-ċivili, u r-rilaxx ta' dawk kollha miżmuma bħala ostaġġi f'Gaza. Huwa tenna l-appoġġ bla waqfien ta' Malta għas-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati, u ddeskrivieha bħala “l-unika soluzzjoni paċifika u ġusta għall-kunflitt." Dwar is-Sirja, id-Deputat Prim Ministru Borg appella lill-partijiet kollha biex jinvolvu ruħhom f'proċess inklussiv immexxi u bi sjieda Sirjana, fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.
L-impenn ta' Malta favur il-paċi kompla jidher permezz tal-approvazzjoni tagħha għall-kandidatura ta' Ċipru biex tmexxi l-OSCE fl-2027.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN