STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Parlament ta’ Malta jospita wirja ta’ presepji artistici
Id-Deputat Speaker David Agius, inawgura wirja ta’ presepji li qed tigi mtella’ mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju fil-Parlament ta’ Malta.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Speaker ddeskriva din l-esebizzjoni bħala okkażjoni sabiħa li tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Kristu, wieħed mill-isbaħ mumenti fl-istorja tal-Kristjaneżmu. Id-Deputat Speaker irrimarka kif din ix-xena ta’ mħabba u paċi għandha sservi bħala riflessjoni għall-kunflitti fil-Lvant Nofsani, fejn il-ġlied, il-ġuħ u d-disperazzjoni għadhom qed jaħkmu l-ħajja ta’ eluf ta’ tfal innoċenti u familji, filwaqt lisaħaq fuq l-importanza li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu anke permezz ta’ talb għall-paċi, kif appella wkoll il-Papa Franġisku xahrejn ilu.
Huwa kompla billi enfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali u ż-żgħażagħ ikunu involuti f’dan ix-xogħol artistiku, mhux biss biex is-sengħa tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, iżda wkoll biex jitrawmu l-imħabba u l-passjoni lejn din it-tradizzjoni.
Fl-aħħar nett, id-Deputat Speaker rringrazzja lill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju talli għażlu l-Parlament bħala l-post għal din il-wirja ta’ livell għoli. Huwa awguralhom suċċess kontinwu fil-ħidma tagħhom, waqt li esprima l-awgurju tiegħu għal Milied qaddis lil kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN