Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKAL: Jitnieda l-Premju għall-Arti 2025

pr242047
Date Icon 12/12/2024
  • Ċelebrazzjoni ta' eċċellenza tal-industriji kulturali u kreattivi ta' Malta

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Premju għall-Arti 2025, waqt avveniment li, fost mistiedna oħra, ra l-parteċipazzjoni tar-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni.

Il-Premju għall-Arti għandu l-għan li jirrikonoxxi u jonora l-eċċellenza fil-qasam tal-kultura u l-arti, filwaqt li jinkoraġġixxi aktar professjonalizazzjoni u diversità fis-settur. L-istruttura tal-Premju, li issa qed iseħħ kull sentejn, għaddiet minn diversi bidliet importanti tul l-aħħar edizzjoni.

Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Il-Premju għall-Arti huwa ċelebrazzjoni prestiġġjuża tal-industriji kulturali u kreattivi ta' Malta, u joffri pjattaforma b'saħħitha li tirrikonoxxi l-espressjoni artistika bħala valur essenzjali tal-ħajja kulturali kontemporanja. L-istruttura l-ġdida tal-Premjijiet kienet mument trasformattiv li jibni fuq dak li diġà ksibna, u jirrappreżenta allinjament aktar b'saħħtu mal-prinċipji tad-drittijiet kulturali. Għal darb'oħra, qed inwettqu l-wegħdiet elettorali tagħna biex inkomplu niżviluppaw opportunitajiet li jirrikonoxxu u jiċċelebraw l-assi kulturali u l-identitajiet diversi ta' Malta, filwaqt li jimplimentaw azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-pedament tas-settur."

Albert Marshall, Chairman Eżekuttiv għall-Kunsill Malti għall-Arti, qal, “Il-Premju għall-Arti jirrapreżenta opportunità ewlenija għall-prattikanti kulturali, organizzazzjonijiet, u artisti biex jirċievu rikonoxximent nazzjonali għall-kontributi pendenti tagħhom fil-qasam kreattiv. Dan jirrifletti l-ewwel prinċipju gwida mnaqqax fl-Istrateġija 2025, li naħdmu għall-avvanz tal-istatus tal-artisti u l-prattikanti kulturali. Il-Kunsill biħsiebu jagħmel l-almu tiegħu sabiex inkomplu nispiraw perspettivi u ideat friski f'pajsaġġ kulturali li qed jevolvi."

Din is-sena għal darb'oħra qed jitħabbru 14-il kategorija kompetittiva li jiċċelebraw kisbiet f'oqsma bħal l-aħjar programmi artistiċi, teatru, żfin, arti viżiva, proġetti multidixxiplinari, u aktar. Ħames proġetti ser jiġu magħżula bħala finalisti minn kull kategorija.

In-nominazzjonijiet għall-Aqwa Xogħol għal Udjenzi Żgħażagħ, L-Aħjar Proġett fil-Komunità, L-Aħjar Kisbiet Internazzjonali, u L-Aqwa Intrapriża Kreattiva u Innovattiva, se jgħaddu wkoll minn fażi ta' votazzjoni pubblika. Din se ġġorr 25% tal-marki finali, b'kull persuna intitolata għal vot wieħed fuq il-bażi tan-numru tal-karta tal-identità tagħhom.

Minbarra l-premjijiet kompetittivi, l-avveniment se jippreżenta wkoll erba' unuri mhux kompetittivi, il-ferm prestiġjuż Unur għall-Karriera Artistika, il-Premju għall-Promoturi Kulturali, u l-Premju għall-Wirt Artistiku. Għal din l-edizzjoni, jmiss li jitħabbar l-Ambaxxatur tal-Arti li jiġi mogħti biss kull erba' snin.

Proġetti jistgħu jiġu nnominati online għal kull kategorija kompetittiva fuq premju.mt. Il-proġetti eliġibbli jridu jkunu saru bejn l-1 ta' Settembru 2023 u l-31 ta' Awwissu 2025. In-nominazzjonijiet jistgħu jitressqu sad-19 ta' Settembru 2025, sa nofsinhar.

Għal aktar informazzjoni dwar il-premjijiet u kif tissottometti n-nominazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok żur artscouncil.mt u premju.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKAL: Jitnieda l-Premju għall-Arti 2025
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKAL: Jitnieda l-Premju għall-Arti 2025
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow