STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Imnedija standards regolatorji dwar servizzi fil-qasam tal-vjolenza domestika
L-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali (SCSA) nediet standards regolatorji ġodda sabiex jagħtu aktar struttura u gwida lir-residenzi li jagħtu sapport lill-vittmi ta' vjolenza domestika u l-familjari tagħhom.
L-irwol tal-SCSA bħala l-korp regolatorju għas-servizzi tal-wens soċjali, huwa li ttejjeb il-kwalità u l-istandards ta' dawn is-servizzi, billi tissalvagwardja d-dinjità, is-sigurtà, u l-benesseri tal-utenti kollha tas-servizzi.
L-awtorità tikseb dan billi tistabbilixxi standards regolatorji għal servizzi ta' wens soċjali; toħroġ liċenzji għall-provdituri tas-servizzi; tiżgura li l-istandards dejjem jiġu osservati permezz ta' żjarat regolari fis-servizzi; u toffri appoġġ u gwida lill-provdituri tas-servizzi fl-implimentazzjoni ta' miżuri korrettivi biex dejjem itejbu u joffru servizz ta' kwalità għolja.
F'konferenza tal-aħbarijiet, ingħataw dettalji dwar l-Istandards Soċjali Regolatorji li qed jiġu proposti sabiex jistabbilixxu l-livell tas-servizz li huwa mistenni li jingħata mill-provdituri tas-servizzi f'dan il-qasam. B'hekk issa ser jinfetaħ proċess ta' konsultazzjoni pubblika bil-għan li tissaħħaħ il-livell ta' diskussjoni dwar is-settur.
Dawn l-istandards jiżguraw li l-individwi kollha li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru u/jew vjolenza domestika jkollhom aċċess għal servizz ta' kwalità għolja. L-implimentazzjoni tagħhom se ttejjeb b'mod sinifikanti s-servizzi offruti f'dan il-qasam filwaqt li jiġi żgurat li l-individwi kollha li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi jirċievu l-ogħla livell ta' ħarsien imfassal skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega li permezz ta' din il-konsultazzjoni, l-awtorità ser tkun qed tanalizza l-opinjonijiet tal-persuni u l-entitajiet kollha interessati f'dawn l-istandards sabiex jiġi żgurat li meta dawn is-servizzi jiġu liċenzjati jiġi assigurat li ġie kkunsidrat kwalunkwe riskju u l-bżonnijiet li jista' jkollhom dawn l-utenti tas-servizzi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg saħqet li l-volontarjat qiegħed jagħmel missjoni ta' fejda kbira mal-vittmi tal-vjolenza domestika meta qiegħed jipprovdi dawn ix-xelters temporanji għall-ommijiet u t-tfal tagħhom. Rebecca Buttigieg żiedet tgħid li, “Konvinta li l-awtorità tal-istandards ser tistabbilixxi standards minimi li ma jkunux sproporzjonati, iżda ser ikunu standards meqjusa meħtieġa biex jissalvagwardja d-dinjità, is-sigurtà, u l-benesseri tal-vittmi."
Fid-diskors tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta' Standards għal-Ħarsien Soċjali Ruth Sciberras, saħqet, “Permezz ta' dawn l-istandards se nkunu qed nieħdu pass sinifikanti 'l quddiem biex inkomplu ntejbu l-kwalità, il-konsistenza, u l-effettività tas-servizzi pprovduti lil dawk milquta minn vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Fit-tfassil ta' dawn l-istandards, aħna rrikonoxxejna l-importanza li mhux kull każ ikun l-istess. Il-ħtiġijiet tal-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi jvarjaw skont it-tip ta' servizz, kemm jekk huma marbuta ma' servizzi ta' kriżi jew helplines, xelters tal-ewwel stadju jew tat-tieni stadju".
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN