Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-knisja magħrufa bħala ta’ Savina fil-Belt Victoria

PR242013
Date Icon 09/12/2024

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni li qegħdin isiru fuq il-Knisja tal-Twelid Imqaddes ta' Sidtna Marija, magħrufa bħala Savina, li hija waħda mill-binjiet storiċi u prominenti fil-Belt Victoria.

Ix-xogħol qed jitwettaq minn grupp ta' ħaddiema mid-Dipartiment tar-Restawr fi ħdan id-Direttorat għall-Wirt Kulturali tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Dawn ix-xogħlijiet jinvolvu konservazzjoni u restawr fuq l-intern tal-knisja, immexxija mill-Perit Ivana Farrugia wara riċerka intensiva u spezzjonijiet fuq is-sit. Dan il-proċess wassal biex jinħoloq dokument dettaljat dwar l-interventi meħtieġa li qed jitwettqu skont linji gwida dwar il-proċessi ta' konservazzjoni u restawr.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal, “Dan ix-xogħol huwa parti minn ħidma kontinwa biex nassiguraw li l-wirt kulturali ta' Għawdex jiġi mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Knisja ta' Savina mhijiex biss simbolu reliġjuż, iżda wkoll parti integrali mill-istorja u l-identità tal-Belt Victoria. Għaldaqstant, kull intervent qed isir b'attenzjoni kbira biex jippreserva s-sbuħija u l-valur oriġinali tal-binja."

Dan ix-xogħol huwa maħsub li jikkonserva l-iskema ta' disinn ta' Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925) li tibda mill-korsija prinċipali u tispiċċa fil-parti tal-presbiterju u l-koppla. Il-fili kollha tal-knisja qed jiġu maqlugħin u mkaħħlin mill-ġdid skont il-gwida tal-awtoritajiet ikkonċernati. Xogħol ieħor relatat ma' dan il-proġett jinkludi restawr fuq l-aperturi, restawr tal-ħġieġ dekorattiv u restawr tal-paviment tal-irħam. Se tiġi installata wkoll sistema ta' dawl ġdida, adattata għall-funzjonijiet liturġiċi u għall-adorazzjoni. Il-knisja se tingħata dehra iktar kompluta b'intervent fuq iz-zokklatura, li tikkumplimenta l-estetika tal-binja.

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Knisja Mons. Joseph Vella Gauci rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għas-sostenn tiegħu fil-proċess ta' restawr tagħha u għax-xogħol impekkabbli li sar u qiegħed isir.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett mhux biss se jikkonserva din il-ġawhra arkitettonika iżda se jagħti dehra ġdida lil din il-knisja ikonika. Ix-xogħol qed jitwettaq b'kollaborazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet kompetenti, u l-ħaddiema qed jaħdmu f'ambjent sigur li jirrispetta l-ogħla standards ta' konservazzjoni

Aktar informazzjoni dwar il-Knisja ta' Savina:

Il-knisja preżenti sinonima mal-Adorazzjoni Perpetwa hija mwaqqfa fuq waħda medjevali, u t-tagħrif storiku dwarha jmur lura lejn il-perjodu ta' qabel il-wasla tal-Ordni ta' San Ġwann f'Għawdex. Fl-1901, Mons. Luigi Vella (1859-1925), bl-għajnuna ta' kollaboraturi, ippjanta u ħadem fuq il-knisja l-ġdida. Il-knisja reġgħet tkabbret fl-1912 fuq disinn ta' Vincenzo Busuttil. “Savina" kienet lesta fl-1913 għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f'Malta. Id-dekorazzjoni tal-intern tal-knisja sar minn Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925), ħabib ta' Vella, Dekan tal-Kapitlu Katidrali, kompożitur u diżinjatur.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-knisja magħrufa bħala ta’ Savina fil-Belt Victoria
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-knisja magħrufa bħala ta’ Savina fil-Belt Victoria
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-knisja magħrufa bħala ta’ Savina fil-Belt Victoria
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-knisja magħrufa bħala ta’ Savina fil-Belt Victoria
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow