STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL 1,676 uffiċjal jassiguraw sigurtà waqt il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE f’Malta
1,676 Pulizija, Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, uffiċjali tal-LESA u ħaddiema tas-Servizzi tad-Detenzjoni taw is-servizz tagħhom matul il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE li sar din il-ġimgħa f’Malta, l-akbar konferenza Ministerjali li qatt saret f’pajjiżna.
Il-ħidma tal-uffiċjali assigurat is-sigurtà waqt il-Kunsill Ministerjali mhux biss għaċ-ċittadini Maltin iżda anke għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ 57 stat parteċipanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Il-ħidma tagħhom kienet varja, bdiet fil-preparamenti qabel tlaqqa’ l-Kunsill Ministerjali u laħqet il-milja tagħha mal-wasla tad-delegazzjonijiet f’Malta. Bil-preżenza tal-uffiċjali kienet mhux biss fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn kienu qegħdin jirrisjedu d-delegazzjonijiet u fl-MFCC Ta’ Qali fejn tlaqqa’ l-Kunsill Ministerjali, iżda anke fit-toroq tagħna, fil-control rooms kif ukoll fl-ibħra tagħna.
Il-Forzi tal-Ordni flimkien mal-ħaddiema tal-LESA u tas-servizzi tad-detenzjoni wettqu dan ix-xogħol importanti li ġab ukoll kliem ta’ tifħir minn dawk li kienu f’pajjiżna. Użaw ir-riżorsi li l-investiment fihom ma jaqta’ xejn u ħadmu b’mod konġunt b’għan wieħed, li jwettqu ħidma professjonali favur Malta sigura.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri esprima r-ringrazzjament tiegħu u s-sens ta’ kburija bl-uffiċjali bl-uniformi Maltija, li flimkien mal-ħidma ma taqta’ xejn li jwettqu ta’ kuljum, wettqu wkoll din il-ħidma diffiċli iżda importanti bl-aħjar mod possibbli. “Bħala Gvern nwegħduhom li kif għamilna fl-aħħar xhur u snin ser jibqgħu jsibuna ta’ spalla magħhom iżda aktar minn hekk ser inkomplu ninvestu fihom.”
Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li s-suċċess ta’ din il-konferenza Ministerjali, organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, kien għalhekk ikkumplimentat bis-suċċess li bih wettqu dmirijiethom, l-uffiċjali ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN