STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Imħabbra r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2024
Matul serata li tefgħet id-dawl mistħoqq fuq l-iktar ħaddiema li ħallew impatt straordinarju fil-qasam tax-xogħol, tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2024 maqsuma fuq għaxar kategoriji.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li din il-lejla, li fiha jiġu rikonoxxuti s-suċċessi ta' ħaddiema varji ġejjin minn oqsma differenti, hija ċelebrazzjoni tas-suċċessi li jixhdu l-impenn, ir-rieda u d-determinazzjoni tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Waqt id-diskors tiegħu elenka mixjet il-ħaddiem Malti tul iż-żmien u kif il-pajjiż għamel qabża mhux biss fl-iżvilupp ekonomiku imma fil-kwalità tal-ħajja li qiegħed joffri u li se jkompli joffri.
Filwaqt li feraħ kemm lir-rebbieħa tal-għaxar kategoriji kif ukoll lin-nominati kollha, saħaq li l-ħaddiem huwa xhieda tal-valuri li nħaddnu bħala Maltin u kif dawn l-istess valuri se jkunu l-boxxla li tiggwidana biex nilħqu l-mira tagħna lejn pajjiż ta' kwalità.
Spjega li minkejja li din is-serata, tissejjaħ Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena, ir-rikonoxximenti li ngħataw huma kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi ta' timijiet.
Ir-rebbieħa tal-edizzjoni ta' din is-sena kienu dawn:
Michael Bajada – Santa Marta Day Centre – Rebbieħ ewlieni: Ħaddiem tas-Sena 2024
Christabel D'amato – Special Olympics Malta – Maniġer tas-Sena
Dr Josianne Cutajar – OHSA – Kap tas-Sena
FSWS ACTS – Servizzi Terapewtiċi – Tim tas-Sena
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Kamra tal-Kontroll Shift B – L-iktar organizzazzjoni inklużiva
Christabelle Damato – Baxter Ltd – L-iktar organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol
Lottoland – L-iktar kumpanija li tippromwovi r-responsabbiltà soċjali
Eman Pulis - Sigma – L-aħjar imprenditur
Muriel Grech - MG Projects Ltd – L-iktar mexxejja żagħżugħa ispiranti
Marie-Louise Coleiro Preca – Lifetime Achievement Award
Ir-rebbieħ ewlieni tas-serata kien Michael Bajada li rebaħ il-Premju Ħaddiem tas-Sena 2024. Is-Sur Bajada serva għal 35 sena fil qasam soċjali. Dan beda bħala care worker fejn imbagħad laħaq assistent kap ta' Santa Marta Day Centre. Dawn l-aħħar 12-il sena kien il-kap taċ-Ċentru Santa Marta Day Centre, li huwa ċentru ta' matul il-jum għall-persuni b'diżabilità.
Is-serata ttellgħet taħt il-Patroċinju tal-President ta' Malta, Myriam Spiteri Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN