STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Il-Ministeru jirreferi għad-diskussjonijiet li għaddejjin mal-Union tal-Għalliema (MUT) dwar il-ftehim kollettiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-iżviluppi tal-aħħar jiem.
Irid ikun ippreċiżat li l-parti uffiċjali ilha tinsisti mal-MUT biex tissospendi l-azzjonijiet industrijali li qed jaffettwaw il-benesseri u l-qagħda tal-istudenti tal-Kulleġġ, matul kull laqgħa li saret f'dawn l-aħħar tmien (8) ġimgħat. Dawn l-azzjonijiet qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn l-istudenti, f'perjodu delikat marbut mal-futur tagħhom, qed ikunu mċaħħda minn edukazzjoni ta' kwalità, kif dejjem kien offrut minn din l-istituzzjoni edukattiva.
Matul id-diskussjonijiet u fejn kien possibbli, l-amministrazzjoni aċċettat numru ta' talbiet tal-MUT, anki billi ħadet piż fuqha biex tilħaq it-talba tal-union. Irid ikun ippreċiżat ukoll li mhux minnu li l-gvern ma riedx jiddiskuti mal-MUT dwar l-istruttura tal-progressjoni tal-karriera u l-kriterji marbuta ma' tali progressjoni. Dak propost mill-gvern b'rabta ma' progressjoni jirrifletti realtajiet u kundizzjonijiet diġà eżistenti f'istituzzjonijiet edukattivi oħra. Il-gvern ma jistax jaċċetta proposti li jillimitaw jew inaqqsu l-kontribut edukattiv li jirċievu l-istudenti. Xhieda tar-rieda tajba tal-gvern huwa l-fatt li diġà tressaq pakkett finanzjarju mtejjeb għall-edukaturi u l-ħaddiema kollha tal-kulleġġ li huma parti minn dan il-ftehim kollettiv.
F'dawn it-tmien (8) ġimgħat ta' diskussjonijiet, l-amministrazzjoni fost oħrajn, qablet ma' dawn il-proposti tal-MUT:
- Tnaqqis fit-tul ta' kull semestru akkademiku;
- Tnaqqis tal-units u suġġetti differenti li jiġu mgħallma mil-letturi;
- Tnaqqis tad-daqs tal-klassi f'ċertu livelli;
- Flessibilità fil-ħin u sigħat li l-letturi jkunu preżenti fuq il-kampus;
- Il-lezzjonijiet jispiċċaw fit-15:30 minflok fl-16:30.
Kif kien irreġistrat qbil dwar dawn il-proposti msemmija, l-amministrazzjoni talbet biex bħala sinjal ta' rieda tajba u wkoll kif inhi l-prassi mal-unions kollha fis-settur pubbliku, l-MUT tissospendi d-direttivi li kienu qed jaffettwaw il-perkors edukattiv tal-istudenti. F'każijiet simili, din it-talba ssir mil-amministrazzjoni ma' kull union li jkunu għaddejjin diskussjonijiet magħhom.
Kien biss għal ċerti talbiet li ġew ippreżentati mill-MUT, li l-amministrazzjoni ddikjarat mal-union li tali prattiċi mhumiex aċċettabbli la fl-MCAST u lanqas fi kwalunkwe istituzzjoni jew entità tas-settur pubbliku, u kemm għall-perkors edukattiv tal-istudenti kif ukoll b'sens ta' ġustizzja lejn unions u ħaddiema oħra, dawn it-talbiet ma setgħux ikunu aċċettati. L-amministrazzjoni tibqa' determinata li tipprovdi servizz lill-pajjiż, u filwaqt li tagħmel il-kundizzjonijiet tax-xogħol iktar vantaġġjużi għall-ħaddiema u mpjegati kollha, trid tara li tkun ukoll rispettata s-sostenibbiltà.
Fiċ-ċirkostanzi, l-amministrazzjoni hija dejjem miftuħa, kif kienet dejjem, għal djalogu u għalhekk tħeġġeġ lill-MUT biex tmur lura mal-mejda tad-diskussjonijiet b'rieda tajba u b'aspettattivi realistiċi. L-MUT qed tintalab għal darb'oħra biex tneħħi l-azzjonijiet industrijali li għandhom impatt dirett fuq il-perkors edukattiv tal-istudenti, biex immedjatament ikomplu d-diskussjonijiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN