STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Għaqdiet tas-soċjetà ċivili minn madwar id-dinja jiltaqgħu f’Malta qabel il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE
Fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jonqos, is-soċjetajiet huma inqas stabbli – id-Deputat Prim Ministru Borg
“Fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jonqos u d-drittijiet ċivili u politiċi qed jitnaqqsu, is-soċjetajiet huma inqas stabbli.” Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, u Chairperson tal-OSCE Ian Borg enfasizza r-rabta pożittiva bejn ambjent li jappoġġja s-soċjetà ċivili u s-sigurtà, meta kien qed jindirizza l-Konferenza Parallela tal-OSCE 2024 dwar is-Soċjetà Ċivili, organizzata mill-koalizzjoni globali ta’ NGOs, Civic Solidarity Platform (CSP), ġewwa r-Rabat, Malta, nhar l-Erbgħa filgħaxija.
Il-konferenza ssir kull sena lejlet il-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), li din is-sena qed jiġi ospitat f’Malta mill-Presidenza Maltija nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Il-konferenza ta’ din is-sena laqqgħet attivisti, riċerkaturi u esperti oħra tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu l-isfidi kurrenti fis-57 stat parteċipanti tal-OSCE u jippreżentaw rakkomandazzjonijiet għal futur aktar sigur u inklużiv.
Is-CSP hija koalizzjoni ta’ aktar minn 100 organizzazzjoni ċivika minn madwar ir-reġjun tal-OSCE, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi internazzjonali oħra, sabiex jippromwovu d-demokrazija, s-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
“Malta taf sew li futur sigur u reżiljenti għall-pajjiżi tagħna u għar-reġjun tal-OSCE jirrikjedi soċjetà ċivili b’saħħitha, diversa u vibranti,” qal iċ-Chairperson tal-OSCE Borg, waqt li enfasizza li “huwa dmirna lkoll li nipprovdu ambjent li jippermetti x-xogħol importanti tagħhom. Is-soċjetà ċivili ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi. Tippromwovi r-rispett għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll soċjetajiet tolleranti u mingħajr diskriminazzjoni.”
Id-Deputat Prim Ministru Borg faħħar il-Valletta Declaration tas-CSP għall-2024, li ġiet ippreżentata lilu matul l-istess konferenza. Din tiġbor fiha r-riżultati tad-diskussjonijiet tal-konferenza, b’sejħa għal azzjoni lill-OSCE u lill-Istati Parteċipanti tagħha qabel il-Kunsill Ministerjali.
Matul iċ-Chairpersonship tal-OSCE din is-sena, Malta ħadmet biex tintegra b’mod attiv il-vuċijiet tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet u l-inizjattivi tagħha. F’Settembru, ikkollaborat mal-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) biex torganizza l-Konferenza dwar id-Dimensjoni Umana ta’ Varsavja 2024, l-akbar konferenza dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa din is-sena, li attirat aktar minn 1,500 parteċipant.
Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, Malta tilqa’ aktar minn 800 delegat mill-57 stat parteċipanti tal-OSCE, inklużi ministri għall-affarijiet barranin, ambaxxaturi u diplomatiċi oħra, kif ukoll ġurnalisti internazzjonali, għall-31 Kunsill Ministerjali ta’ din l-organizzazzjoni, sabiex jiddiskutu sfidi importanti tas-sigurtà reġjonali, kif ukoll deċiżjonijiet organizzattivi urġenti.
Malta bdiet 12-il xahar ta’ Presidenza tal-OSCE f’Jannar, bit-tema Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-Organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.
Għal aktar informazzjoni, żur affarijietbarranin.gov.mt jew segwi l-paġni soċjali tal-Affarijiet Barranin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN