Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam tal-anzjanità

PR241952
Date Icon 29/11/2024

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, iltaqa' ma' Lisa Warth, il-Kap tal-Unità tal-Popolazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għar-Reġjun Ewropew tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), waqt żjara uffiċjali f'Malta.

Il-laqgħa saret fil-marġini tal-konferenza nazzjonali 'Safeguarding the human rights of older persons: Innovations in Healthy and Active Ageing', organizzata mill-Istitut Internazzjonali tal-Anzjanità tan-Nazzjonijiet Uniti – Malta (INIA) u Healthmark. Matul din il-konferenza li rat l-attendenza ta' diversi stakeholders minn istituzzjonijiet governattivi u privati relatati mal-qasam ġerjatriku, kien hemm ukoll preżenti Prof. Marvin Formosa, id-Direttur tal-INIA.

Matul il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq dwar il-ħidma kontinwa tal-Gvern Malti biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-popolazzjoni li qed tikber fl-età. Huwa spjega kif Malta, bħal pajjiżi oħra madwar id-dinja, rat żieda sostanzjali fil-popolazzjoni anzjana matul l-aħħar tliet deċennji. Dan it-tibdil demografiku huwa riżultat ukoll ta' titjib fil-kura tas-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien. Huwa tenna li, filwaqt li din il-bidla ġġib magħha pressjoni fuq sistemi tas-saħħa, pensjonijiet u faċilitajiet ta' kura, iġġib magħha wkoll diversi opportunitajiet hekk kif il-popolazzjoni anzjana tista' tkompli tikkontribwixxi fis-soċjetà bl-għerf, bl-esperjenza u fil-volontarjat.

Huwa spjega kif il-Gvern Malti kien proattiv biex jindirizza din il-bidla demografika permezz ta' politiki ewlenin. Il-Politika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva tinkoraġġixxi lill-anzjani biex jibqgħu attivi u involuti fis-soċjetà filwaqt li toffri appoġġ għall-edukazzjoni tul il-ħajja u aċċess għall-kura tas-saħħa. L-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dimensja tiffoka fuq it-titjib tal-istandards ta' kura u l-appoġġ għal dawk li jgħixu bid-dimensja u l-familjari tagħhom. Barra minn hekk, l-Istandards Nazzjonali għall-Residenzi għall-Anzjani jiżguraw livelli għoljin ta' sigurtà, dinjità u kwalità fil-ħajja f'faċilitajiet bħal San Vinċenz de Paul.

Fid-diskors tagħha, Lisa Warth enfasizzat ir-rikonoxximent internazzjonali li qed tikseb Malta fir-rigward tal-anzjanità attiva. Hija semmiet kif Malta tinsab fuq quddiem nett fl-Ewropa fir-rigward ta' għomor twil fi stat ta' ħajja tajba. Fil-fatt, huwa stmat li n-nisa f'Malta jgħixu medja ta' 70.3 sena filwaqt li huwa stmat li l-irġiel jgħixu 70.1 sena – l-ogħla figuri fl-UE.

Is-Sinjura Warth irrimarkat ukoll li, skont l-indiċi Ewropew għall-Anzjanità Attiva tal-UNECE, Malta, minkejja li hija fost l-iżgħar Stati Membri, irreġistrat l-ogħla żieda fl-indiċi. Dan hu wkoll rifless fil-livelli għoljin ta' edukazzjoni u riċerka dwar l-anzjanità f'Malta, bl-Università ta' Malta toffri erba' programmi ta' studju uniċi fil-qasam tal-Ġerontoloġija u l-Istudji tad-Dimensja, li jinkludu livell ta' Masters u Dottorat.

Waqt il-laqgħa bilaterali, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea u Lisa Warth iddiskutew is-sitwazzjoni attwali u l-ġejjieni tas-settur ġerjatriku f'Malta. Matul il-laqgħa, li għaliha attenda wkoll Renzo Degabriele, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ġew indirizzati diversi kwistjonijiet relatati mal-kura tal-anzjani, inklużi l-isfidi biex tiġi żgurata effiċjenza u aċċessibilità fil-kura, kif ukoll politiki innovattivi għall-iżvilupp ulterjuri tas-settur.

Din il-laqgħa kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bejn Malta u l-UNECE filwaqt li wriet l-impenn qawwi tal-Gvern Malti biex jindirizza l-isfidi li ġġib magħha l-popolazzjoni tikber fl-età u biex tibqa' tmexxi 'l quddiem ir-riformi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam tal-anzjanità
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam tal-anzjanità
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tal-Gvern Malti fil-qasam tal-anzjanità
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow