STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI F’sena l-ARPA ħarġet mat-€48 miljun f’għajnuniet lill-bdiewa u raħħala
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar kif f’sena, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-ARPA, ipproċessat pagamenti li jammontaw għal total ta’ kważi €48 miljun. Dan permezz ta’ diversi skemi li tamministra, kemm dawk l-għajnuniet finanzjati jew kofinanzjati minn fondi Ewropej, kif ukoll dawk imħallsa bis-sħiħ minn fondi nazzjonali.
Il-Ministru Refalo spjega kif din is-sena ħarġu wkoll sejħiet taħt diversi miżuri li huma relatati ma’ taħriġ, pariri u skemi ta’ kwalità. Ġew ipproċessati total ta’ kważi €26 miljun taħt miżuri ta’ investiment, flimkien ma’ €3.5 miljun oħra taħt skemi ambjentali-klimatiċi, kofinanzjati minn fondi Ewropej u dawk nazzjonali.
Fost it-tliet skemi maġġuri, hemm dik tax-xiri tal-fertilizzant, b’investiment ta’ €4 miljun, il-kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf għall-bhejjem, fejn saru ħlasijiet li jammontaw għal €1.3 miljun li huma ġejjin ukoll minn fondi nazzjonali. Barra minn dawn l-iskemi nazzjonali msemmija, kompliet ukoll l-implimentazzjoni ta’ skemi oħrajn li ħarġu fis-snin ta’ qabel, fosthom, l-iskema ta’ distribuzzjoni ta’ frott u ħaxix ġewwa l-iskejjel minn fondi nazzjonali fejn ġew proċessati pagamenti ta’ madwar €850,000 matul l-2024, Skema ta’ Benesseri fis-Settur tal-Majjal fejn ġew ipproċessati pagamenti ta’ madwar €840,000 fl-2024, u Skema għall-aċċess għal bdiewa żgħażagħ għall-prattika agrikola fl-azjendi ta’ bdiewa stabbiliti. Apparti dan kollu s-sena d-dieħla l-Gvern ser iniedi skema nazzjonali ta’ agriforestrija li se tinvolvi għotja diretta sa massimu ta’ €8,000 għal kull bidwi eliġibbli, b’baġit totali ta’ €600,000 minn fondi nazzjonali.
Il-Ministu Anton Refalo qal, “Dawn huma ftit mill-ħafna li dan il-Ministeru qed jagħmel favur il-bdiewa u r-raħħala tagħna. Irridu li dan il-qasam ikompli jingħata l-importanza fil-ħidma tal-Gvern. Il-bdiewa u r-raħħala jagħmlu xogħol mhux faċli, għandhom sfidi kontra l-elementi, riżorsi u oħrajn ġejjin mix-xena internazzjonali u għalhekk bħala Gvern qiegħed u se nkomplu nagħmlu minn kollox biex dawn ikomplu għaddejjin b’xogħolhom u fl-aħħar mill-aħħar ituna ikel frisk u bnin lokali.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN