STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Studenti jtemmu b’suċċess kors tal-AFM
Grupp imdaqqas ta' studenti ngħataw l-opportunità sabiex jqattgħu perjodu ta' żmien isegwu l-ħidma Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta, u saħansitra nvolvew ruħhom f'diversi eżerċizzji li ttestjaw il-fiżika, r-reżiljenza, u l-ispirtu kollettiv tagħhom.
Matul l-aħħar ġranet, l-istudenti wettqu numru ta' sessjonijiet differenti, u kienu mitluba jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet ta' diffikultà fuq bażi individwali kif ukoll mil-lat kollettiv.
Dan il-proġett beda mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) fl-2015, b'kooperazzjoni mal-Forzi Armati ta' Malta. Tul is-snin, 'il fuq minn 200 student ngħataw mertu talli temmew il-kors b'suċċess, u saħansitra numru minnhom illum jaħdmu fil-Forzi Dixxiplinati ta' Malta.
Il-Forzi Armati ta' Malta toffri speċjalizzazzjoni f'oqsma li jridu abbiltà tal-moħħ u tal-id waqt li tnissel sens ta' dixxiplina u lealtà lejn il-pajjiż.
Dawn l-istudenti ġew magħżula sabiex jipparteċipaw f'dan il-programm magħruf bħala 'Adolescent Day Programme', illi jgħin sabiex jimmassimizza l-iżvilupp soċjali u dak emozzjonali tal-istudenti.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri awgura li esperjenzi simili, fejn studenti jqattgħu jiem mal-Forzi Armati, jittennew fil-ġejjieni. Qal li karriera fl-armata tagħti mhux biss sens ta' professjonalità iżda wkoll tkattar dixxiplina u tipprepara rġiel u nisa. Huwa fakkar lill-istudenti li l-esperjenzi li qattgħu fl-armata għandhom isibuhom biex ikunu aktar persuni responsabbli u jagħtu valur lill-ħajja biex jilħqu l-milja tagħhom fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, feraħ lil dawn l-istudenti u appella biex ħadd ma' jaqta qalbu anke jekk l-istudenti ikunu mdawwra b'ambjent u fatturi diffiċli. “Xogħolna bħala gvern huwa li nibqgħu naħdmu f'sinerġija u nimbuttaw 'l quddiem attivitajiet soċjali bl-għajnuna tal-Forzi Armati sabiex jippromwovu dak is-sens ta' dixxiplina u reżiljenza," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN