STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta tikkonkludi ftehim maċ-Ċina għal vjaġġar mingħajr viża
Effettivament mit-30 ta' Novembru 2024, iċ-ċittadini Maltin li għandhom passaporti ordinarji se jkunu jistgħu jivjaġġaw lejn ir-Repubblika taċ-Ċina mingħajr il-bżonn ta' viża għal perjodu sa 30 jum.
Waqt li ħabbar dan l-iżvilupp, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg laqa' dan il-ftehim bħala pass ieħor importanti fir-relazzjonijiet bilaterali fit-tul bejn iż-żewġ pajjiżi.
Mit-30 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Diċembru 2025, dawk li għandhom passaport Malti jkunu jistgħu jidħlu fiċ-Ċina mingħajr viża għal perjodi sa 30 jum għal raġunijiet bħal negozju, turiżmu, żjarat tal-familja, skambji, u tranżitu. Individwi li ma jikkwalifikawx għal din l-eżenzjoni ta' viża xorta jkunu obbligati jiksbu viża qabel jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina.
“Dan il-ftehim dwar l-ivjaġġar mingħajr viża jirrifletti l-fiduċja reċiproka u l-impenn biex inkomplu nkabbru r-rabtiet fil-qasam tat-turiżmu, negozju u skambju kulturali. Dan se jiffaċilita l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tagħna u jiftaħ ukoll bibien għal aktar koperazzjoni profonda u opportunitajiet ġodda ta' kummerċ internazzjonali," qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.
Bħala parti minn dan l-iżvilupp, iċ-Ċina estendiet ukoll il-politika tagħha ta' vjaġġar mingħajr viża għal disa' pajjiżi oħra, inklużi Malta, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, l-Estonja, il-Latvja u l-Ġappun.
Il-ftehim tal-lum jimmarka t-tieni ftehim sinifikanti li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u Kummerċ irnexxilu jikseb maċ-Ċina matul l-aħħar 12-il xahar, bl-ewwel wieħed ikun il-memorandum ta' ftehim dwar l-esportazzjoni tat-tonn lejn iċ-Ċina, matul iż-żjara uffiċjali tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg fiċ-Ċina, f'Novembru 2023.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN