STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Pajjiż ta’ Kwalità: Aktar investiment fil-Protezzjoni Ċivili
- Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili b'fire suits u immersion suits aktar siguri, u aktar addatati għall-klima ta' pajjiżna, sabiex jaqdu l-ħidma tagħhom aħjar. Dan sabiex pajjiżna jkun aktar preparat f'każ ta' bżonn.
- Il-budget għas-sena d-dieħla kompla jikkonsolida n-nefqa fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li fl-aħħar snin għadda minn rivoluzzjoni sħiħa grazzi għall-investiment qawwi li sarlu mill-gvern.
F'konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri elenka l-prijoritajiet tal-investiment li se jsir fil-Protezzjoni Ċivili li hija ħolqa ewlenija fil-katina li ssostni s-sigurtà tas-soċjetà tagħna. L-investiment kontinwu fid-drittijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema u fl-għodda li jużaw qed isir sabiex il-pajjiż jibqa' jkun ippreparat għal dak kollu li jista' jinqala.
Il-Ministru Camilleri rrefera għall-ilbies protettiv ġdid li għadu kif ingħata lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, fosthom fire suits u immersion suits li jintużaw f'każ ta' nirien jew għargħar. L-ilbies protettiv huwa aktar sikur għall-ħaddiema, apparti li huwa 35 fil-mija eħfef, aktar komdu u addatat aktar għall-klima Maltija.
Qal li l-ilbies protettiv ġdid huwa ferm 'il bogħod mill-uniformijiet u tagħmir tas-second hand li kienu jingħataw lill-ħaddiema fis-snin li għaddew.
Il-Ministru Camilleri ħabbar li mis-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed jinnegozja mal-unjins tal-ħaddiema ftehim settorali ġdid għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. “Dan huwa l-pass li jmiss wara li l-Gvern għaraf is-servizz ta' dan id-dipartiment bħala korp dixxiplinat u tahom 25 servizz. Għall-ewwel darba tahom id-dritt li jitħallsu tas-sigħat kollha li jaħdmu, allowances u inċentivi għal progress fil-karriera kif ukoll aktar opportunitajiet ta' taħriġ," qal il-Ministru Camilleri.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet huwa qal li minn ftit aktar minn 130 ħaddiem tnax-il sena ilu, dan id-dipartiment issaħħaħ għal 375 ħaddiem dis-sena, b'50 rekluta oħra jitħarrġu biex jissieħbu fid-dipartiment.
Il-Ministru Camilleri elenka wkoll it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-protezzjoni ċivili fosthom l-estensjoni tal-istazzjon tax-Xemxija u dak marittimu filwaqt li għaddej ix-xogħol għal stazzjon ġdid fil-Furjana u ieħor f'Baħar iċ-Ċagħaq. Għas-sena d-dieħla d-dipartiment se jżid aktar il-vetturi speċjalizzati biex jikkontrollaw nirien industrijali, domestiċi u dawk HAZMAT.
Fl-istess waqt qed jitlesta proġett ta' 40 CCTV fuq vetturi tat-tifi tan-nar li se jwasslu biex uffiċjali fil-kamra tal-kontroll ikollhom viżibbilità akbar fuq inċident u jkunu jistgħu jiddeċiedu aktar malajr kif tingħata l-għajnuna.
Huwa qal li l-Gvern jista' jagħti serħan il-moħħ li l-investiment se jissokta grazzi wkoll għan-nefqa b'saħħitha allokata fil-budget għas-sena d-dieħla lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Ministru Camilleri qal li n-nefqa maħsuba fil-budget għal Protezzjoni Ċivili tabilħaqq turi l-prijorità tal-Gvern li jkompli jsostni l-investiment materjali u tar-riżors uman f'dan id-dipartiment u daqstant ieħor fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li d-dipartiment jistinka biex isalva u jipproteġi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN