STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Pajjiż ta’ Kwalità: Imħabbra l-attivitajiet tal-Milied imtella’ mill-Kunsilli Lokali għal din is-sena
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali ħabbret l-attivitajiet tal-Milied li se jkunu qed jittellgħu mill-Kunsilli Lokali, f'madwar 30 lokalità f'Malta u Għawdex fix-xahar ta' Diċembru.
Dawn l-attivitajiet se jittellgħu bl-appoġġ finanzjarju ta' madwar €400,000 mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, permezz tal-iskema għall-Kunsilli Lokali għall-attivitajiet kulturali annwali. L-attivitajiet ivarjaw minn villaġġi tal-Milied, mixgħela tal-Milied, kunċerti, attivitajiet għat-tfal u l-anzjani, attivitajiet b'rabta mal-ikel tradizzjonali, u kif ukoll Betlehem f'Għajnsielem f'Għawdex, flimkien ma' diversi attivitajiet oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-programm ta' attivitajiet li ġew imħejjija mill-Kunsilli Lokali għandhom l-għan li jżommu l-Milied u t-tradizzjonijiet li jġib miegħu ħajjin fil-komunitajiet tagħna. Dawn l-attivitajiet se jitgawdew kemm mir-residenti nfushom, kif ukoll minn dawk li se jżuru dawn il-lokalitajiet inkluż turisti.
“Bħal kull sena diversi Kunsilli Lokali jtellgħu għadd ta' attivitajiet sbieħ madwar l-irħula u l-lokalitajiet tagħna, attivitajiet li l-iskop ewlieni tagħhom ikun li joffru lill-pubbliku spettaklu u divertiment b'xejn. Il-Gvern impenjat li jkompli jagħti appoġġ lil dawn it-tip ta' attivitajiet li jgħinu fit-tkattir kulturali," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Hija żiedet tgħid li l-Gvern se jkompli bil-ħidma biex ikompli jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin anke permezz ta' attivitajiet bħal dawn li jwasslu biex tkompli tintlaħaq din il-mira. Spjegat ukoll kif id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali saħħaħ l-għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali sabiex dawn min-naħa tagħhom jgħollu l-kwalità ta' dawn l-attivitajiet.
“Nawgura kull suċċess lill-Kunsilli Lokali li se jkunu qed itellgħu dawn l-attivitajiet, filwaqt li nħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi u jgawdi minn dawn l-attivitajiet," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Intant, l-attivitajiet se jkunu qed jittellgħu f'dawn il-lokalitajiet; Ħ'Attard, il-Mellieħa, l-Imġarr, Ħal Għargħur, Ħal Lija, San Ġiljan, il-Birgu, l-Isla, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, il-Gudja, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Santa Luċija, Santa Venera, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, Għajnsielem, l-Għarb, Ta' Kerċem/Santa Luċija, in-Nadur, il-Qala, San Lawrenz, Ta' Sannat, ix-Xewkija, u ż-Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN