STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Pajjiż ta’ Kwalità – Għajnuniet finanzjarji għas-sajjieda Maltin u Għawdxin
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Pajjiż ta' Kwalità, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ħabbret numru ta' inizjattivi u għajnuniet finanzjarji għas-settur tas-sajd, inkluż għas-sajjieda żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li waħda mill-iskemi se tkun qed tgħin lil dawk is-sajjieda li għandhom bastimenti tradizzjonali tal-injam, bħal-luzzu u l-kajjik, u skema oħra se tkun qed tħares lejn għajnuna finanzjarja għal xiri ta' makkinarju li jkun aktar sostenibbli u ambjentali.
“Il-miżuri li ġew imħabbra fil-Budget 2025 huma xhieda tal-impenn li għandna lejn is-sajjieda Maltin u Għawdxin. Se nibqgħu noffru diversi għajnuniet bħalma konna qegħdin noffru fis-snin ta' qabel, u se nżidu aktar miżuri sabiex bihom nilħqu aktar nies f'dan is-settur," stqarret is-Segretarju Parlamentari.
Hija sostniet li l-għajnuna finanzjarja li qed jagħti l-Gvern qed iwassal sabiex dan is-settur ikompli jissaħħaħ u jikber. Hija ħabbret li għas-sena li ġejja qed jiġu allokati madwar €8 miljun f'investiment fis-settur tas-sajd, f'forma ta' skemi u għajnuniet finanzjarji, kif ukoll fil-qasam tar-riċerka.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat ukoll il-ħidma li qed issir sabiex aktar żgħażagħ jidħlu fis-settur. “Fil-ġranet li ġejjin se nibdew numru ta' konsultazzjonijiet bejn stakeholders differenti sabiex nidentifikaw l-għajnuniet finanzjarji li bihom nolqtu aktar żgħażagħ. Fuq il-mudell tal-Young Farmers, fejn qed ngħinu lil bdiewa żgħażagħ fejn jidħol kapital għal xiri ta' art, se nkunu qegħdin nagħmlu l-istess mod għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur tas-sajd iżda m'għandhomx kapital biżżejjed biex jagħmlu dan," temmet tgħid Bugeja Said.
Id-Direttur tad-Direttorat tal-Akwakultura fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura Dennis Calleja, spjega l-iskemi differenti li ġew imnedija, fejn qal li fil-ġranet li ġejjin is-sajjieda Maltin u Għawdxin se jirċievu ittra bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-fondi allokati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN