Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Tittella’ laqgħa speċjali tal-MCESD bit-tema ‘B’Saħħitna fuq il-Post tax-Xogħol’

pr241842
Date Icon 12/11/2024

Meta kien qed jindirizza laqgħa tal-MCESD bit-tema ‘B’Saħħitna fuq il-Post tax-Xogħol’, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jassigura kundizzjonijiet moderni u ġusti għall-ħaddiema, fosthom ir-regolamenti fuq il-Work-Life Balance. Saħaq li l-għan huwa li aktar ħaddiema jgawdu minn kwalità ogħla ta’ ħajja fuq il-post tax-xogħol.

“Fejn hemm ħaddiema b’saħħithom fuq il-post tax-xogħol, hemm ukoll kumpaniji u organizzazzjonijiet b’saħħithom. Ħaddiem li jħossu rispettat u appoġġjat se jkun aktar produttiv, motivat, u lest li jagħti l-aqwa tiegħu,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Huwa rrikonoxxa l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema, kemm minħabba bidliet mgħaġġla fix-xejriet tax-xogħol kif ukoll sfidi ekonomiċi u personali. Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll studju tal-Unjoni Ewropea tal-2023 li jindika li kważi wieħed minn kull żewġ ħaddiema Ewropej (46%) esperjenzaw problemi emozzjonali jew psiko-soċjali, bħal ansjetà jew dipressjoni, matul is-sena preċedenti. Huwa saħaq li din hija realtà li ma tistax tiġi injorata.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul sostna li kull ħaddiem għandu jaħdem f’ambjent li jrawwem is-saħħa mentali u fiżika għall-ħaddiema, fejn il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mhux biss jiġi rispettat, iżda jifforma parti minn kultura ta’ rispett u inklużjoni. Huwa laqa’ wkoll is-suġġerimenti u l-proposti tal-imsieħba soċjali għal iżjed diskussjoni fuq dan is-suġġett.

Matul din il-laqgħa apparti l-imsieħba soċjali li ddiskutew il-benesseri u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kien hemm ukoll għaqdiet mhux governattivi bħall-bBrave u l-Fondazzjoni Richmond u kif ukoll kelliema oħrajn. 

Dr Aaron Zammit Apap u Darren Bonnici f’isem il-bBrave tkellmu dwar il-kampanja li għamlu biex joħolqu kuxjenza dwar forom differenti ta’ bullying, biex jipprovdu għajnuna lil dawk affettwati, u biex jinkoraġġixxu riforma f’dawk il-postijiet tax-xogħol milquta. Filwaqt li l-għaqda preżentat l-istudju tagħha dwar il-bullying fuq il-post tax-xogħol f’Malta u Għawdex, ġew preżentati wkoll diversi proposti sabiex jiġu indirizzati l-problemi li rriżultaw minn dan l-istudju, fosthom toolkits sabiex jiġu implimentati fuq il-post tax-xogħol.

Min-naħa tagħha, Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, spjegat is-servizzi offruti mill-organizzazzjoni biex isaħħu u jgħinu l-benesseri u s-saħħa mentali ta’ individwi, bil-preżentazzjoni tkun iċċentrata fuq saħħet il-ħaddiema, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali tagħhom. Calleja Bitar spjegat li l-Fondazzjoni nediet prodott bl-isem ta’ “Healthy Minds Work”, fejn permezz tiegħu l-istess Fondazzjoni taħdem ma’ 185 kumpanija f’Malta u Għawdex, b’assistenza u servizzi offruti lil madwar 40,000 ħaddiem.

Tkellem ukoll Joshua Zammit, rappreżentant tal-kumpanija Novargo, fuq l-importanza li l-post tax-xogħol ikun attrezzat biex jitrawwem ambjent b’saħħtu, sikur u ta’ appoġġ li jippromwovi s-saħħa ġenerali u sodisfazzjon għal kulħadd fuq il-post tax-xogħol. Norma Camilleri għan-nom tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD, proponiet diversi proposti sabiex ikun hawn iżjed għarfien u inċentivi fir-rigward tal-benesseri tal-ħaddiema; fosthom aktar servizzi ta’ support, policies, u edukazzjoni.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Tittella’ laqgħa speċjali tal-MCESD bit-tema ‘B’Saħħitna fuq il-Post tax-Xogħol’
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow