STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Iċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg jiltaqa’ mal-komunitajiet milquta mill-għargħar fatali ta’ Ottubru fil-Bożnja u Ħerzegovina
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, kif ukoll Chairperson tal-OSCE, Ian Borg, żar il-muniċipalità ta' Konjic fil-Bożnja u Ħerzegovina, waħda mill-aktar żoni milquta mill-għargħar devastanti tax-xahar li għadda.
Nhar il-Ħadd waranofsinhar, il-Presidenza Maltija tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa (OSCE) għas-sena 2024 bdiet żjara ta' erbat ijiem fil-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, u l-Albanija, erbgħa mis-57 stat parteċipant tal-organizzazzjoni.
F'Konjic, iċ-Chairperson tal-OSCE żar xi wħud miż-żoni milquta mill-għargħar u l-valangi li seħħew f'Ottubru, u ltaqa' mar-rappreżentanti tal-komunità lokali, fosthom is-sindki, uffiċjali tal-protezzjoni ċivili, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u taż-żgħażagħ.
Il-Ministru Borg esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' aktar minn 30 persuna li tilfu ħajjithom f'dan l-għargħar, waqt li faħħar lill-pajjiż talli ngħaqad flimkien biex jappoġġja lill-komunitajiet fil-bżonn. “Ħafna nies tilfu djarhom, l-għajxien tagħhom u dak kollu li ħadmu għalih matul ħajjithom. Ninsab imqanqal ferm bil-kuraġġ u s-saħħa li wrew dawk milquta, kif ukoll mir-reazzjoni qawwija ta' solidarjetà minn madwar il-pajjiż u lil hinn minnu," qal il-Ministru.
“It-tema tal-Presidenza Maltija tal-OSCE tal-2024 hija, 'Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà'. Hekk kif il-Bożnja u Ħerzegovina terġa' tibda tibni mill-ġdid wara dan l-għargħar, huwa essenzjali li mhux biss titranġa l-ħsara iżda wkoll li jsir kollox aktar reżiljenti, b'sistemi sodi sabiex jekk fil-futur ikun hemm perikli naturali simili, ma jinbidlux f'diżastri. Il-Missjoni tal-OSCE lesta biex tappoġġja lil dan il-pajjiż kif ukoll lill-awtoritajiet fil-livelli kollha tal-gvern biex dan jinkiseb," żied jgħid iċ-Chairperson.
Fil-kapitali Sarajevo, id-delegazzjoni tal-Presidenza Maltija kellha taħditiet ma' Membri tal-Presidenza tal-Bożnja u Ħerzegovina fosthom mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Elmedin Konaković, u rappreżentanti miż-żewġ Kmamar tal-Assemblea Parlamentari.
F'konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Borg saħaq fuq l-importanza tas-sħubija dejjiema bejn l-OSCE u l-Bożnja u Ħerzegovina. “L-OSCE tibqa' impenjata li tappoġġja l-prijoritajiet tar-riforma tal-pajjiż, minn tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni sal-avvanz tal-libertà tal-midja u l-indirizzar tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru."
“Inħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha biex iċedu n-narrattivi diviżivi u jinvolvu ruħhom fi djalogu tassew kostruttiv, sabiex jinħoloq progress tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-pajjiż. Hekk kif nersqu lejn it-30 anniversarju ta' paċi fil-Bożnja u Ħerzegovina, huwa essenzjali li nkomplu naħdmu għal stabbiltà u prosperità sostenibbli," ikkonkluda d-Deputat Prim Ministru.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN