STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Pajjiż ta’ Kwalità: ’Il fuq minn 2,100 persuna setgħet tkompli tirrisjedi ġor-residenza tagħha permezz tas-sussidju tal-kera ta’ qabel l-1995
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Il-Ministru Galdes spjega kif il-Gvern ma beżax jindirizza sfida reali, li kienet qiegħda tolqot numru sostanzjali ta’ sidien u inkwilini b’kera antika. “Illum qegħdin naqtgħu l-frott tal-emendi storiċi li għamilna fil-liġi li tirregola l-kirjiet ta’ qabel l-1995. Ħadna azzjoni f’waqtha sabiex filwaqt li s-sidien jibdew jirċievu kera aġġustata, ma jkollniex sitwazzjoni fejn l-inkwilini jispiċċaw barra mir-residenzi li ħafna minnhom twieldu fihom, u kabbru l-familja tagħhom fl-istess dar,” tenna l-Ministru.
Il-Ministru kompla jispjega fuq il-bilanċ li l-Gvern laħaq bejn id-drittijiet tas-sidien u d-drittijiet tal-inkwilini. “Illum qegħdin niġu quddiemkom bir-riżultati, hekk kif sal-lum l-Awtorità tad-Djar għenet ’il fuq minn 2,141 persuna, permezz tas-sussidju tal-kera ta’ qabel l-1995. Dan ifisser li 2,141 persuna setgħet tibqa’ tirrisjedi ġor-residenza li ilha għal tant żmien tgħix fiha, mingħajr ma esperjenzat żieda finanzjarja li tkun ikbar milli tiflaħ,” saħaq il-Ministru Galdes.
Dan is-sussidju ġie deskritt bħala xhieda ħajja ta’ waħda mill-miżuri b’saħħithom li qiegħed jagħmel dan il-Gvern u qiegħda tagħmel differenza sinifikanti fil-ħajja tal-poplu.
Matul din is-sena biss, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, l-Awtorità tad-Djar se tkun allokat is-somma totali ta’ ftit inqas minn 7 miljun ewro. L-Awtorità tad-Djar qiegħda toffri wkoll għajnuna legali bla ħlas lill-inkwilini f’kirjiet ta’ qabel l-1995. Fl-2023, l-Awtorità tat għajnuna legali bla ħlas lill-694 inkwilin, filwaqt li matul din is-sena, sa issa tat għajnuna legali bla ħlas lill-584 inkwilin. Il-Ministru tenna kif din il-miżura toffri serħan il-moħħ lill-inkwilini fejn qed jsibu assistenza legali bla ħlas tul il-kors ġudizzjarju kollu.
“Kif tħabbar ukoll fil-Budget 2025, se nibqgħu nkunu ta’ sostenn għall-familji permezz ta’ tisħiħ fil-baġit tas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, sabiex naraw li l-poplu tagħna jgħix fi djar sikuri, kif ukoll djar li joffru dinjità u kwalità ta’ ħajja għolja. Permezz tal-Budget 2025, dan il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-inkwilini, inkluż dawk regolati bil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995”, temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr, “Irrispondejna b’urġenza għar-realtà tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 u qegħdin kontinwament insegwu, nistudjaw u nsaħħu dan is-servizz sabiex nassiguraw serħan il-moħħ u stabbiltà fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji Maltin.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN