STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Report: Evaluating the role of the Malta Film Commission in promoting the Maltese film industry
L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ippreżenta r-rapport imsemmi hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tar-rappreżentanti, Anġlu Farruġia. Dan l-eżerċizzju fittex li jistabbilixxi kemm l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ċinematografika ta' Malta (KĊM) li seħħew bejn l-2018 u l-2022 ipprovdew valur fuq in-nefqa u segwew il-prinċipji ta' governanza tajba. Dan l-eżerċizzju sar ukoll sabiex l-Uffiċċju jindirizza rikjesti ta' verifika mitluba mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (KKP) u l-Prof. Arnold Cassola.
L-għan tal-KĊM hu li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-produzzjonijiet tal-films fi ħdan industrija globali li qed tevolvi b'ritmu mgħaġġel u b'mod kompettitiv. Għaldaqstant, bejn l-2018 u l-2022, il-KĊM għamlet nefqa ta' madwar €12.3 miljun. Il-Kummissjoni tat ukoll skemi ta' inċentivi finanzjarji lill-produtturi lokali tal-films, kif ukoll permezz tal-iskema tal-Cash Rebate.
Il-Malta Film Week (MFW) li saret fl-2022 kienet sostnuta biss minn dokumentazzjoni bażika. F'dan il-kuntest, fin-nuqqas ta' strateġija formali li kellha tkopri, dan l-uffiċċju ma setax janalizza aspetti konnessi ma' valur għall-flus u r-ritorn fuq in-nefqa tal-promozzjoni tal-industrija. Dan iqajjem tħassib fuq il-mudell ta' negozju li ntuża mill-Kummissjoni, speċjalment fil-kuntest ta' numru ta' devjazzjonijiet li nstabu fir-rigward ta' regoli ta' kompetittività. F'ħafna mill-każijiet, il-Kummissjoni rrikorriet għal Direct Orders minħabba kwistjoni ta' żmien li hi stess ikkostrinġiet sabiex torganizza dawn l-avvenimenti. F'dan l-isfond, qed jiġi rikonoxxut li dan l-avveniment sar matul il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll li f'dan il-perjodu, il-KĊM kienet qed tiffaċċja nuqqas ta' ħaddiema fi rwoli differenti.
Fil-preżent, il-KĊM għadha qed tiffaċċja diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' impjegati għal diversi funzjonijiet. Dan ifixkel il-korp ta' governanza hekk kif imħaddem mill-Kummissjoni. Din is-sitwazzjoni tindika li hemm opportunità għall-KĊM sabiex ikun hemm ippjanar strateġiku u operazzjonali aktar komprensiv, billi tantiċipa l-ħin meħtieġ marbut mal-qafas regolatorju li jirregola l-użu ta' fondi pubbliċi kif ukoll aspetti relatati ma' sistemi aktar b'saħħithom ta' traċċar tal-informazzjoni partikolarment fejn jidħlu deċiżjonijiet materjali. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) jirrikonoxxi li matul l-2024, il-KĊM f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika (MTP) qed jaħdmu fuq sejħiet għall-offerti relatati mal-organizzazzjoni ta' avvenimenti futuri. Barra minn dan l-MTP qed jappoġġja wkoll lill-KĊM permezz tal-ħruġ ta' sejħiet sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti u l-abbozzar ta' żewġ sejħiet għall-offerti.
Bejn l-2018 u l-2022, il-KĊM, l-aktar permezz tal-iskemi ta' inċentivi finanzjarji, u primarjament dik tal-40 fil-mija Cash Rebate, kienet ta' suċċess fl-attirar ta' diversi produzzjonijiet ċinematografiċi lejn Malta. B'mod ġenerali, dan l-eżerċizzju jikkonferma l-istimi tal-KĊM dwar l-impatt tal-iskema ta' rifużjoni fuq l-ekonomija Maltija f'termini ta' nefqa minn produzzjonijiet ta' films f'Malta, il-Valur Gross Miżjud, impjiegi u dħul mit-taxxa. L-NAO jżomm il-pożizzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, hija kwistjoni għall-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu dwar il-livell ta' investiment fil-produzzjoni ta' films f'kuntest fejn titqies l-ispiża tar-riżorsi li jkun hemm bżonn, il-prijoritajiet soċjoekonomiċi, kif ukoll il-potenzjal tal-industrija biex tiddiversifika u tikkumplimenta l-kompożizzjoni ġenerali tal-attivitajiet ekonomiċi f'Malta.
Dan ir-rapport jinstab fuq is-sit tal-Uffiċċju www.nao.gov.mt jew il-paġna tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN