STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Pajjiż ta’ Kwalità: Tisħiħ fil-liġijiet tax-xogħol biex aktar ħaddiema jkollhom titjib fil-kwalità tal-ħajja
Għall-ewwel darba, wara aktar minn sebgħin sena, il-liġijiet tax-xogħol jew kif inhuma magħrufa aħjar, il-Wage Regulation Orders, se jgħaddu minn riforma sħiħa u kontinwa biex ħaddiema f'diversi setturi tax-xogħol igawdu minn titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Dan tħabbar matul konferenza tal-aħbarijiet li matulha s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ta dettalji dwar riforma li skattat is-sena li għaddiet u li issa, 'il fuq minn sittin liġi tax-xogħol se jibdew jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtajiet moderni tas-suq tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li din ir-riforma ser twassal għal uniformità u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' numru ta' ħaddiema f'setturi regolati minn dawn il-liġijiet, fosthom ħaddiema fis-setturi tal-ospitalità, tat-trasport, tal-elettronika, tal-artiġġjanat, tal-kostruzzjoni u industriji oħra.
Huwa ħabbar ukoll it-twaqqif ta' Kumitat Permanenti, u spjega, “Ser jinħoloq qafas permanenti sabiex mhux nieqfu wara li nkunu għamilna t-tibdil neċessarju fl-immedjat, imma li jkollna aġġornament kontinwu ta' dawn il-liġijiet biex insostnu b'mod serju l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema li jaqgħu taħt dawn il-liġijiet."
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li dan l-impenn se jkun wieħed kontinwu biex jassigura li Malta tkun pajjiż ta' kwalità, b'ħaddiema ta' kwalità u b'kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa. Sostna li l-Gvern jibqa' impenjat li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem għaliex irid jibqa' jinkoraġġixxi l-bżulija u jippremja d-dedikazzjoni.
“Huwa proprju għalhekk li nħoloq dan il-Kumitat Permanenti, li ser ikun qiegħed jingħata r-riżorsi kollha neċessarji sabiex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bl-aħjar mod. Dan huwa pass kuraġġuż li qatt ma sar fil-qasam tal-liġi industrijali f'pajjiżna," tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega wkoll li kull rakkomandazzjoni ser tkun diskussa mal-imsieħba soċjali fl-Employment Relations Boardqabel ma jkun hemm xi forma ta' implimentazzjoni, u dan biex jiġi żgurat li kull deċiżjoni ssir bi ftehim mal-imsieħba soċjali.
“L-għan ta' din ir-riforma huwa li jkollna liġijiet ġusti ma' kulħadd, li nnaqqsu l-inugwaljanzi bejn settur u ieħor u li noħolqu kundizzjonijiet li jassiguraw dinjità u rispett lejn il-ħaddiem. Sabiex nassiguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti li joffru dawn il-liġijiet ikunu mħarsa, ser tkompli tissaħħaħ l-id amministrattiva tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi, speċjalment fejn jidħol infurzar," kompla jispjega s-Segretarju Parlamentari.
Huwa enfasizza fuq il-ħtieġa ta' djalogu miftuħ u kontinwu mal-imsieħba soċjali, u qal li huwa permezz tad-djalogu li jistgħu jwettqu bidliet għall-ġid tal-ħaddiema, bidliet li jassiguraw titjib fil-kwalità tal-ħajja. Għal dan il-għan ser jiskatta proċess ta' konsultazzjoni kemm mal-ħaddiema kif ukoll ma' min iħaddem. Id-djalogu soċjali huwa għodda li jista' jwassal għal bidliet konkreti bħalma ġara meta ddaħħlet il-liġi li tirregola l-ħaddiem tal-pjattaforma diġitali, it-temping agencies u bl-iffirmar tal-aktar ftehim storiku b'saħħtu, dak taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali.
“Dan it-titjib huwa kollu xhieda ta' kemm dan il-Gvern jemmen fid-drittijiet tal-ħaddiema, jemmen fl-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u jemmen li pajjiż huwa b'saħħtu daqskemm huma b'saħħithom il-ħaddiema tiegħu," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN