STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta tospita ‘Decarbonising the Future: Shore-to-Ship Leadership Conference’ biex tixpruna bidla sostenibbli fl-operazzjonijiet marittimi
Fis-7 u fit-8 ta' Novembru, Malta qed tospita l-konferenza bit-titlu 'Decarbonising the Future: Shore-to-Ship Leadership Conference' fil-Port il-Kbir u l-Port ta' Marsaxlokk. Dan l-avveniment, organizzat b'kollaborazzjoni ma' Transport Malta u l-European Onshore Power Supply Association (EOPSA), immarka l-impenn ta' pajjiżna lejn it-tmexxija fid-dekarbonizzazzjoni globali tal-operazzjonijiet marittimi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali Chris Bonett stqarr, “Mhux biss qed naħsbu fil-portijiet tagħna biex ikunu aktar nodfa iżda f'industrija marittima reżiljenti, sostenibbli li tiffjorixxi flimkien mal-ambjent naturali tagħna. L-ambizzjoni tagħna testendi lil hinn mill-2030; qed nibnu wirt li jpoġġi lil Malta bħala mexxejja globali fit-trasport bil-baħar. Permezz ta' inizjattivi bħall-Malta Grand Harbour Shore-to-Ship Project, inħarsu lejn futur fejn il-portijiet ta' Malta jkunu ċentri ta' innovazzjoni, effiċjenza fl-enerġija, u sostenibbiltà."
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, Kurt Farrugia saħaq fuq l-importanza ta' dawn it-tip ta' investimenti fit-tul. “Grazzi għall-użu ta' enerġija shore-to-ship, pajjiżna qed ifassal il-pedamenti għal operazzjonijiet sostenibbli u responsabbli fil-portijiet, billi tfassal standard ġdid għall-portijiet Ewropej. Din l-inizjattiva mhux biss tikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali u turi l-impenn ta' pajjiżna għal futur aktar nadif għar-reġjun kollu tal-Mediterran."
Il-konferenza enfasizzat l-impenn ta' pajjiżna għal operat tal-portijiet aktar nodfa, inkorporati fil-Malta Grand Harbour Shore-to-Ship Project. Din l-inizjattiva tista' tipprovdi l-enerġija lil ħames vapuri fl-istess ħin, b'kapaċità massima ta' 64MVA ta' elettriku fuq 16-il punt ta' konnessjoni. Għall-ewwel darba, il-proġett ħaddem żewġ vapuri f'daqqa, li ppermettilhom jitfu l-magni diesel u jeliminaw l-emissjonijiet fuq il-post. Din it-teknoloġija se tgħin fi tnaqqis ta' 99.6% fl-emissjonijiet tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu, tnaqqis ta' 60% fil-gassijiet serra, u tnaqqis ta' 40% fl-emissjonijiet tal-port kollu, filwaqt li kważi jeqred it-tniġġis tal-istorbju.
It-temi ewlenin tal-konferenza rrelataw l-innovazzjoni teknoloġika, il-politika sostenibbli, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-workforce, fost l-oħrajn. Dawk li attendew impenjaw ruħhom f'diskussjonijiet permezz ta' panels bħal 'Leadership at the Helm: Guiding the Decarbonisation Journey' u 'Portijiet bħala Future Energy Hubs: Green Corridors, Fuel Choices, and the Entire Customer Journey'.
Din il-konferenza ssolidifikat il-pożizzjoni ta' Malta bħala mexxejja f'operat marittimu sostenibbli u kkontribwiet għal industrija tat-tbaħħir globali b'livell baxx ta' karbonju u ambjentalment responsabbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN