STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Pajjiż ta’ Kwalità: Imħabbar il-proġett tal-Farmers’ Market f’Ta’ Qali
F'konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Pajjiż ta' Kwalità, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar id-dettalji dwar il-proġett tal-Farmers' Market f'Ta' Qali, b'investiment ta' €10 miljun.
Permezz ta' dan l-investiment se jkunu qed jinbidlu mal-14,000 metru kwadru fi spazju miftuħ li se jkun qed jakkomoda u jappoġġja lis-settur tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel. Dan il-proġett, li se jkun immexxi mill-Aġenzija Maltija għall-Ikel (Malta Food Agency), se joħloq pjattaforma fejn il-valur tal-prodotti tal-ikel lokali fosthom il-frott, il-ħaxix u l-prodotti artiġjanali jingħataw l-importanza mistħoqqa u jsiru aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru Anton Refalo qal kif dan il-proġett se jipprovdi lill-bdiewa, lir-raħħala, u lil produtturi bi pjattaforma essenzjali fejn jistgħu juru l-prodotti, u se jagħti opportunità lill-konsumatur biex jakkwista l-prodott lokali dirett mingħand il-produttur. Kompla jispjega li se jservi wkoll ta' spazju miftuħ b'mod differenti għall-familji Maltin u Għawdxin.
“Dan is-suq huwa aktar minn investiment favur l-agrikoltura; huwa investiment fl-ambjent u l-komunità tagħna. L-iżvilupp ta' din iż-żona miftuħa se joħloq ċentru li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u l-viżitaturi, u jipprovdi ambjent sostenibbli u impenjattiv fejn kulħadd jista' jingħaqad flimkien," temm jgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel Brian Vella qal: “Dan l-ispazju se jinkludi wkoll post fejn wieħed jista' jiekol u li se jintużaw ingredjenti lokali, u b'hekk tippromwovi l-freskezza u l-kwalità tal-prodotti tagħna. L-għan tagħna hu li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għall-bdiewa, r-raħħala u l-produtturi, u l-konsumatur, billi nsaħħu l-ekonomija lokali permezz tal-agrikoltura."
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN