STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Pajjiż ta’ Kwalità: Imħabbra inizjattivi fil-komunità marbuta mas-saħħa mentali
Il-Ministru Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, ħabbar numru ta' inizjattivi fil-komunità marbuta mal-ħidma kontinwa li l-Gvern qed jagħmel favur is-saħħa mentali.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat li permezz ta' din il-miżura, b'investiment ta' €4.5 miljun, mistennija jibbenefikaw madwar 90,000 persuna fil-komunità. Dan permezz ta' inizjattivi li se jżidu l-għarfien u l-aċċessibbiltà għall-kura filwaqt li jnaqqsu l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali.
Għal dan l-għan qed jiġu proposti dawn l-inizjattivi:
- Mental Health First Aid Course fi gruppi - ser ikunu qed isiru sessjonijiet ta' taħriġ lill-parteċipanti sabiex jidentifikaw persuni li għandhom sfidi ta' saħħa mentali, kif ukoll tipprepara individwi jagħrfu meta possibbilment huma wkoll ikunu għaddejjin minn xi sfidi marbuta mas-saħħa mentali.
- B'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex ser ikunu qed isiru sessjonijiet 1 on 1 fil-komunità ma' professjonisti mħarrġa.
- Servizz ta' Call Out fejn professjonisti b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali jkunu qed iċemplu numru ta' nies biex jevalwaw u jaraw individwi għandhomx bżonn xi tip ta' għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali tagħhom.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li għalkemm diġà teżisti l-linja nazzjonali għas-saħħa mentali 1579, li mill-bidu tagħha rċeviet madwar 17,000 telefonata, permezz ta' dawn l-inizjattivi li qed jiġu proposti ser ikomplu jwasslu dan is-servizz eqreb in-nies fil-qalba tal-komunità.
“Għal dan il-gvern, l-aċċessibbiltà għas-servizzi tas-saħħa tibqa' prijorità. Għalhekk ser nibqgħu naraw li nkomplu naħdmu u nintroduċu kemm jista' jkun servizzi li minnhom mhux biss jibbenefikaw il-pazjenti, imma wkoll noffru servizz li permezz tiegħu pajjiżna jkun jista' jagħmel pass 'il quddiem fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin," temm jgħid il-Ministru Abela.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dan hu proġett li minnu ser jibbenefika kull saff taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Permezz ta' dan il-proġett, il-Gvern se jkun qed joffri għajnuna psikoloġika b'xejn lil kull min ifitixxha. Iżda mhux biss, din l-għajnuna se tkun qed tingħata fl-eqreb kunsill lokali tar-resident, kif ukoll online jew permezz tat-telefon, skont il-kumdità u l-preferenza tar-residenti. Permezz ta' dawn l-inizjattivi, il-Gvern se jkompli jgħolli l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin," qalet is-segretarju parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN