STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U MILL- MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL: Pajjiż ta’ Kwalità: Politika favur investimenti u ħaddiema ta’ kwalità
L-STMicroelectronics qegħdin iwettqu investiment b’enfasi fuq il-kwalità. Investiment li filwaqt li se jżid il-produttività, mhux ser ikunu meħtieġa aktar ħaddiema, hekk kif ser jitħarrġu dawk eżistenti filwaqt li qiegħda tintuża l-aqwa teknoloġija. Proġetti bħal dawn qegħdin isibu l-appoġġ tal-Gvern hekk kif qegħdin iwettqu l-viżjoni tagħna li nibqgħu niksbu r-riżultati ekonomiċi, b’inqas pressjoni fuq il-pajjiż. Hekk nibqgħu mexjin ’il quddiem bi kwalità u nibqgħu ninvestu fin-nies kif għamilna f’dan il-Budget.
Kien dan il-messaġġ tal-Ministru Silvio Schembri u tal-Ministru Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Pajjiż ta’ kwalità. Il-Ministri elenkaw kif il-Viżjoni Malta 2050 u l-labour migration policy ser ikunu qegħdin jiddirezzjonaw il-pajjiż biex ikompli jimxi ‘l quddiem bi kwalità filwaqt li nkomplu ninvestu fin-nies kif għamilna f’dan il-Budget.
Il-Ministru għall-Ekonomija qal li permezz tal-Viżjoni Malta 2050 ser inkunu qegħdin inwasslu 13-il miżura mmirata b’miri ċari għal tkabbir iffukat fuq il-kwalità, mhux biss il-kwantità. L-għan ewlieni tagħna huwa li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħna.
“Kull miżura tallinja mal-Viżjoni Malta 2050, li tiffoka fuq pilastri ewlenin bħal Riformi u Investimenti, Avvanzi Teknoloġiċi, u Żvilupp ta’ Ħiliet u Tkabbir Speċifiku għas-Settur. Dawn il-miżuri kollettivament jappoġġaw l-impenn tan-nazzjon tagħna għall-progress sostenibbli u standard ta’ għajxien elevat għaċ-ċittadini kollha.”
Il-Ministru Silvio Schembri żied jgħid li dawn il-miżuri jipprovdu pjan direzzjonali ċar biex titmexxa ’l quddiem l-ekonomija ta’ Malta permezz ta’ tkabbir iffukat fuq il-kwalità. Dan il-budget mhux biss jirrifletti fejn qegħdin bħala pajjiż u l-progress li għamilna iżda wkoll ifassal triq ċara għall-futur. L-għan ewlieni jibqa’ t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, miksub permezz ta’ investimenti ta’ valur għoli u inizjattivi li jagħtu prijorità lit-tkabbir sostenibbli. Huwa temm jgħid li dan il-budget jpoġġina biex inkomplu fi triq ta’ innovazzjoni, reżiljenza, u prosperità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna li ma jkollokx pajjiż ta’ kwalità jekk ma jkollokx rata ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħitha. U Malta għandha fost l-ikbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea. Ma jkollokx pajjiż ta’ kwalità, jekk ma jkollokx rata ta’ qgħad baxxa. Illum Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad u long-term employment. Ma jistax ikollok pajjiż ta’ kwalità, jekk ma jkollokx iċ-ċittadini fid-dinja tax-xogħol. Illum għandna l-ikbar numru ta’ nies fid-dinja tax-xogħol.
Iżda tenna li biex jibqa’ jkollok pajjiż ta’ kwalità, irid ikollok ukoll amministrazzjoni li tifhem li s-soċjetà tinbidel il-ħin kollu u għalhekk li lesta tilqa’ l-isfidi. Spjega li f’pajjiż fejn għandek full-employment, allura l-emfasi illum m’hijiex fuq il-kwantità ta’ postijiet ta’ xogħol li se toħloq, imma trid iddur fuq il-kwalità. Spjega li huma dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet strateġiċi li ser iwassluna biex nagħmlu riforma maġġuri fil-mod kif pajjiżna jmexxi l-politika ta’ immigrazzjoni tax-xogħol tiegħu. U dak li qed tagħmel l-STMicroelectronics ikun replikat f’postijiet tax-xogħol oħra. Policy Realistika, li tifhem x’hemm bżonn, imma tiddirezzjona lejn il-kwalità ibbażata fuq erba’ prinċipji: id-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħtieġa ta’ stabbiltà fis-suq tax-xogħol, il-ħtieġa li nassiguraw li ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu ngaġġati biss fejn hu meħtieġ, u fuq kollox nemmnu f’politika migratorja bbażata fuq il-ħiliet tal-ħaddiema.
Huwa kkonkluda li rridu ekonomija li taħdem għall-ħafna u li minnha jgawdi kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN