STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tkompli titjieb is-sigurtà u l-effiċjenza; emendi ġodda għar-regolamenti tal-elettriku
Daħlu fis-seħħ l-emendi għar-Regolamenti dwar l-Installazzjonijiet Elettriċi (EIR) u għar-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (ECSR), wara konsultazzjoni pubblika estensiva.
Dawn l-aġġornamenti jindirizzaw l-iżviluppi reċenti fis-settur tal-enerġija u se jiżguraw aktar sigurtà u effiċjenza għall-familji u għan-negozji f'Malta.
Fost il-bidliet ewlenin hemm emendi li se jiffaċilitaw:
- Konnessjoni ta' sistemi fotovoltajċi għall-maisonettes li qegħdin fil-pjan terran. Biex jiġu indirizzati talbiet mill-pubbliku, qed jinħarġu regoli ġodda li jippermettu lil min joqgħod f'maisonettes biex ikunu jistgħu jinstallaw u jkollhom konnessjoni għall-pannelli solari fuq il-bejt, anke f'każ li ma jkollhomx aċċess għall-bejt.
- Titjib fis-sigurtà tal-installazzjonijiet. Aġġornamenti għall-użu ta' Residual Current Devices (RCD) magħrufa bħala s-salvavita, biex titjieb is-sigurtà kemm f'binjiet residenzjali kif ukoll kummerċjali.
- Installazzjoni aktar prattika ta' Overvoltage Protection Relay (OVR). Dan jista' issa jiġi installat ġewwa l-appartament flok fil-komun, biex isir aktar prattiku għar-residenti.
- Ċertifikazzjoni aktar ċara. Regoli aktar ċari dwar min jista' jiċċertifika installazzjonijiet taħt 300 Amps u dawk aktar minn 300 Amps, biex jiġi assigurat li l-persuni involuti jkunu kompetenti u kwalifikati.
- Servizz ġdid ta' 40 Amp three-phase. Dan is-servizz għandu jindirizza d-domanda dejjem tikber tal-elettriku fid-djar, bi spiża aktar baxxa minn dik ta' 60 Amp. Dan jippermetti wkoll konnessjonijiet akbar ta' sistemi fotovoltajċi.
- Kalkolu tad-domanda għall-karozzi elettriċi. Il-metodoloġija l-ġdida issa tinkludi wkoll iż-żieda fil-karozzi elettriċi, biex is-sistema tkun imħejjija għaż-żieda fid-domanda.
- Konsultazzjoni mal-iżviluppaturi. L-iżviluppaturi għandhom jikkonsultaw ma' Enemalta qabel jibdew il-proġetti, biex ikun hemm ippjanar aħjar tal-provvista tal-elettriku.
- Kapaċità akbar għal sistemi fotovoltajċi. Żieda ta' 25% fil-kapaċità massima għal sistemi fotovoltajċi single-phase u three-phase, meta tintuża s-sistema Volt-Var, biex nimmassimizzaw il-produzzjoni ta' enerġija nadifa.
“Dawn l-emendi huma pass kruċjali biex inġeddu l-infrastruttura tal-enerġija ta' Malta u nwieġbu għad-domanda dejjem tikber. Qed nirsistu biex nipprovdu soluzzjonijiet ta' enerġija sostenibbli u affordabbli għal kulħadd," stqarret il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava qal, “Dawn il-bidliet jallinjaw l-infrastruttura tagħna mal-bżonnijiet ġodda tal-pajjiż, speċjalment għall-użu ta' enerġija solari u karozzi elettriċi. Dan kollu se jħaffef il-proċessi u jagħmilhom aktar faċli għar-residenti u għan-negozji."
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela qal, “Kien qiegħed jinħass il-bżonn li wara snin twal isiru emendi għal dawn ir-regolamenti. Dawn l-emendi mhux biss jindirizzaw l-iżviluppi ġodda fit-teknoloġija, iżda jżidu wkoll is-sigurtà u l-effiċjenza. Apparti minn hekk, dawn l-emendi jagħmlu l-proċess aktar ġust u ċar għall-partijiet kollha involuti."
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN