STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Aktar avvanzi f’pajjiżna fl-industrija tas-semikondutturi
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża, u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, żar 4JM Solutions (Malta) Ltd., kumpanija li tipprovdi soluzzjonijiet u servizzi innovattivi fl-industrija tas-semikondutturi.
4JM Solutions bdew mill-Kordin Business Incubation Center (KBIC) u kibru minn 13-il ħaddiem fl-2018 għal iktar minn 50 ħaddiem. Huma baqgħu jikbru internazzjonalment, b'ħiliet fil-manutenzjoni ta' makkinarju industrijali ta' livell għoli. Joffru servizzi ta' għajnuna u sapport loġistiku li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, l-Afrika ta' Fuq, u l-Ewropa tal-Punent.
Matul iż-żjara, il-Ministru Schembri faħħar lill-4JM Solutions għall-innovazzjoni u l-impenn tagħhom lejn l-eċċellenza, filwaqt li nnota kif l-isforzi kontinwi tal-kumpanija jikkontribwixxu għall-ekonomija ta' Malta billi joħolqu impjiegi ta' valur għoli b'kundizzjonijiet tajbin, jattiraw klijenti internazzjonali, u jrawmu t-tkabbir tal-industrija tas-semikondutturi.
“Il-progress li qed isir minn kumpaniji Maltin li bdew bħala ħolma u kibru f'operat multinazzjonali huwa tassew ta' ispirazzjoni. Dawn huma eżattament it-tipi ta' industriji ta' valur għoli li għandna l-għan li nkomplu nrawmu f'pajjiżna—industriji li mhux biss joffru pagi tajbin iżda jeħtieġu wkoll spazju minimu filwaqt li jiġġeneraw valur sinifikanti. Hekk kif inħarsu lejn il-futur, huwa kruċjali li l-ekonomija ta' Malta tkompli tespandi b'mod sostenibbli u strateġiku. Permezz ta' Viżjoni Malta 2050, aħna ffukati li industrija ta' valur għoli bħal din ikomplu jiffjorixxu. Dan se jgħin biex tinħoloq ekonomija aktar reżiljenti filwaqt li tiżgura impjiegi ta' kwalità u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ix-xogħol ta' 4JM Solutions jallinja mill-qrib ma' din il-viżjoni billi javvanza l-kapaċitajiet teknoloġiċi u jimbotta lil pajjiżna lejn ekonomija aktar ekoloġika u reżiljenti," sostna l-Ministru Schembri.
It-teknoloġija tas-semikondutturi hija waħda min-niċeċ ekonomiċi ġodda li qed niżviluppaw f'Malta. Żvilupp ewlieni huwa l-ftehim bejn il-Malta Enterprise u l-IMEC, immirat li jsaħħaħ ir-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji tas-semikondutturi f'Malta filwaqt li tinċentiva l-industrija b'mod partikolari start-ups fl-oqsma tad-disinn taċ-ċippa. Il-Malta Enterprise kellha wkoll rwol kruċjali fid-diskussjonijiet dwar il-European Chips Act, billi rrikonoxxiet is-settur tas-semikondutturi bħala mutur ekonomiku essenzjali kemm għal Malta kif ukoll għall-UE. Barra minn hekk, il-pajjiż se jospita konferenza internazzjonali f'Novembru f'dan il-qasam iffukat fuq ir-Rwol Kritiku tal-Industrija Globali tas-Semikondutturi, li fiha grupp ta' esperti rinomati fil-qasam. Inizjattiva oħra li se toħloq ekosistema vibranti li tappoġġja start-ups u kumpaniji stabbiliti f'dan is-settur hija d-DiHubMT. Flimkien, dawn l-inizjattivi jixprunaw it-tkabbir f'dan is-settur, billi nagħrfu l-potenzjal tiegħu li jmexxi l-innovazzjoni u joħloq impjiegi ta' valur għoli.
Hekk kif inħarsu lejn il-futur, kumpaniji bħal 4JM Solutions huma essenzjali biex nimxu lejn pajjiż iktar reżiljenti permezz tal-għarfien tagħhom fit-teknoloġija avvanzata u soluzzjonijiet industrijali. Kumpaniji bħal dawn qed ikollhom rwol essenzjali fit-trasformazzjoni tal-pajsaġġ industrijali ta' Malta.
George Gregory, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, saħaq, “Ninnota b'sodisfazzjon l-impenn ta' 4JM Solutions għall-innovazzjoni u t-tkabbir f'Malta, speċjalment f'settur b'potenzjal għoli bħall-industrija tas-semikondutturi. Investimenti bħal dawn huma eżattament dak li l-Malta Enterprise għandha l-għan li tappoġġja u tattira. Billi stabbilixxiet iċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-Qawra, 4JM Solutions mhux biss qed tespandi s-servizzi tagħha iżda qed tikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol teknika tal-industrija, kapaċitajiet ta' tiswija ta' livell għoli, u riċerka. Dan it-tip ta' investiment li jaħseb 'il quddiem jgħin biex ipoġġi lil Malta bħala ċentru għall-manifattura avvanzata u l-eċċellenza teknoloġika."
Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat, Managing Director ta' 4JM Solutions, qal, “Waqqafna ċentru ta' eċċellenza li jaħdmu fl-automation u l-industrija 4.0. Il-vjaġġ tagħna beda fil-Kordin Business Incubation Centre (KBIC), u permezz ta' ħidma intensiva, ksibna progress sinifikanti. Illum, aħna niffjorixxu fl-industrija tas-semikondutturi—qasam li huwa settur ta' sfida però ta' sodisfazzjon kbir."
Il-kontribuzzjonijiet ta' kumpaniji bħal dawn għall-ekonomija ta' Malta, flimkien mal-impenn tal-gvern għall-innovazzjoni, qed iħejju t-triq għal prosperità ekonomika fit-tul u futur isbaħ għaċ-ċittadini Maltin kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN