STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jagħmel referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija aktar kmieni llum mix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali u d-Drittijiet tal-Konsumatur Janice Abela Chetcuti u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliema tal-Oppożizzjoni injoraw il-fatt li l-Ministeru diġà għamel l-informazzjoni kollha pubblika dwar il-kors u wkoll dwar l-Isptar tal-Annimali.
Għall-kors Master of Science in Veterinary Medicine applikaw 29 student, li minnhom 8 studenti biss kellhom il-kriterji kollha meħtieġa u għalhekk eliġibbli biex jibdew il-kors imsemmi fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST). Dan ifisser li għal dan il-kors hemm reġistrati 8 studenti li se jibdew it-taħriġ tagħhom f’Novembru li ġej, kif diġà tħabbar pubblikament u kif kien ippjanat. Il-kors se jibda f’Novembru kif maqbul, minħabba d-disponibbiltà tal-letturi.
Il-letturi li se jagħtu l-kors huma kemm letturi lokali u wkoll letturi barranin li se jingaġġaw lill-istudenti kemm b’lezzjonijiet fil-klassi u wkoll lezzjonijiet online. Il-letturi Maltin se jkunu qed jagħmlu dan b’koordinament sħiħ mal-letturi barranin.
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni huma żbaljati wkoll li ma saritx konsultazzjoni. Konsultazzjoni saret mal-Veterinary Surgeons’ Council li huwa responsabbli għall-warrant u li magħha kien hemm diversi laqgħat. L-MCAST iltaqgħu wkoll mal-Malta Veterinary Association, li hija għaqda volontarja, u kommessa li tibqa’ żżomm kuntatt kontinwu magħhom.
Dwar l-Isptar tal-Annimali, se jkun ippubblikat tender marbut mal-operazzjoni ta’ dan l-isptar, filwaqt li diġà kien sar studju intern ta' fattibbiltà biex tkun żgurata l-vijabilità finanzjarja u jkunu magħrufa l-ħtiġijiet neċessarji biex il-faċilità tkun aġġornata kif meħtieġ. Dan se jwassal biex l-Isptar tal-Annimali jiftaħ matul is-sena 2025, biex anki jkun disponibbli għall-istudenti ta’ dan il-kors ħalli, kif inhi l-prassi tal-MCAST, dawn ikollhom ukoll taħriġ prattiku marbut mat-tagħlim tagħhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN