STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Titnieda l-politika finalizzata dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli offshore
“Politika li twitti t-triq biex Malta tisfrutta l-potenzjal vast tal-enerġija rinnovabbli offshore" – il-Ministru Miriam Dalli
Il-Gvern għamel pass kuraġġuż lejn il-kisba tal-miri tagħna għall-enerġija rinnovabbli bit-tnedija tal-verżjoni finali tal-Politika Nazzjonali għall-Użu tal-Enerġija Rinnovabbli Offshore waqt it-tielet Konferenza Nazzjonali tal-Enerġija.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli spjegat l-importanza ta' din il-politika, u qalet, “Sas-sena 2030, l-għan tagħna huwa li nżidu s-sehem tagħna ta' enerġija rinnovabbli fl-energy mix għal 25% u nkunu newtrali għall-klima sas-sena 2050. L-enerġija offshore se tkun kruċjali biex nilħqu dawn il-miri." Hija saħqet li l-proġetti tal-wind floating u l-enerġija solari kapaċi jkunu ċentrali f'din it-trasformazzjoni.
“Din l-inizjattiva mhux biss tavvanza l-ambizzjonijiet tagħna għall-enerġija rinnovabbli, iżda tkompli ssaħħaħ ukoll lir-rwol ta' Malta fl-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Mediterran," żiedet tgħid il-Ministru Dalli, waqt li saħqet fuq l-impenn tal-gvern lejn futur aktar aħdar.
Il-policy tispjega l-pjan ta' Malta biex tisfrutta l-enerġija rinnovabbli offshore permezz ta' sitt żoni strateġiċi, b'żona identifikata bħala s-sit preferut għall-enerġija mir-riħ offshore fuq strutturi fuq il-baħar.
Il-Ministru Dalli elaborat aktar dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-enerġija, li tiffoka fuq ħames pilastri: s-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tas-sorsi, l-affordabbiltà, u mod iffukat fuq il-konsumatur. Hija enfasizzat kif din il-viżjoni tqiegħed lil Malta fuq quddiem nett fir-rivoluzzjoni diġitali fis-settur tal-enerġija.
Fl-istess waqt, Malta qed tesplora wkoll il-potenzjal tat-teknoloġija solari fuq il-baħar, li toffri l-benefiċċju li tiġi implimentata eqreb tal-kosta, u b'hekk tnaqqas l-impatt viżiv filwaqt li tikkontribwixxi għall-miri tal-pajjiż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.
Il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Enerġija, organizzata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta' Malta, saret forum ewlieni fejn l-esperti jaqsmu ideat dwar l-isfidi u l-innovazzjonijiet marbuta mal-enerġija. It-tema ta' din is-sena — Diġitalizzazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija — enfasizzat is-sinerġija bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u dik diġitali, u qajmet diskussjonijiet dwar kif it-teknoloġiji diġitali qed jiffurmaw il-futur tal-enerġija.
Id-dokument finali jista' jiġi aċċessat minn https://energywateragency.gov.mt/wp-content/uploads/2024/10/MEE-National-Policy-23_-DIGITAL-_final-5.pdf
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN