STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA ‘Golden Years Festival’ - Proġett mużikali għar-rikreazzjoni tal-anzjani
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), flimkien mal-APS Social Fund, ikkollaboraw fuq proġett mużikali 'Golden Years Festival', li offra programm ta' mużika live għall-anzjani. Dan seta' jsir wara li l-AACC laħqet ftehim mat-Teatru Salesjan biex jiġi offrut il-programm b'aktar rappreżentazzjonijiet.
Dan il-programm, li għalih ipparteċipaw aktar minn 220 anzjan, inkluda erba' sessjonijiet, tnejn filgħodu u tnejn filgħaxija, fejn l-anzjani setgħu jattendu sabiex igawdu minn mużika live. Dan il-Festival kien jinkludi mużika minn artisti stabbiliti, fosthom George Curmi Band, Angela Vella Zarb, il-banda folkloristika Ta' Verna, u memorji tad-diski ta' Gaetano Kanta, magħruf għall-abbiltà tiegħu li jadatta kanzunetti Taljani u Ingliżi għal-lingwa Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, flimkien ma' Renzo Degabriele, Kap Eżekuttiv tal-AACC, żaru wieħed mill-programmi fejn innutaw b'sodisfazzjon is-suċċess tal-attività. Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea stqarr li tali inizjattivi jkomplu jgħinu lill-anzjani kemm fiżikament kif ukoll mentalment u anke jindirizzaw is-solitudni. Huwa faħħar din il-kollaborazzjoni li offriet esperjenzi rikreattivi lil dawn l-anzjani li pparteċipaw.
Renzo Degabriele rrimarka li l-AACC investiet f'dan il-proġett bħala parti mill-impenn tagħha li żżid l-opportunitajiet ta' attivitajiet għall-anzjani, speċjalment dawk li jgħixu fil-komunità. Dan il-proġett mhux biss ipprovda divertiment, iżda saħħaħ l-impenn tal-AACC li toffri żvog soċjali għall-anzjani fil-komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN