STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Għada jitla’ s-siparju fuq l-iStartup Festival u TechXpo
’Il fuq minn 2,500 persuna mistennija jattendu l-iStartup Festival u t-TechXpo li se jiftħu uffiċjalment għada filgħodu
L-iStartup Festival, li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu, għandu l-għan li jġib flimkien taħt saqaf wieħed, persuni żgħażagħ b’idea li tista’ tiżviluppa fi startup, investituri u esperjenzi reali minn startups kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn. L-iStartup Festival se jkun miftuħ minn għada sas-Sibt 19 ta’ Ottubru, fl-MFCC Ta’ Qali.
Din is-sena l-iStartup Festival se jingħaqad mat-TechXpo. Din hija t-tieni sena li qed jittella’ t-TechXpo li se jkun akbar mis-sena li għaddiet. Fit-TechXpo se naraw l-avvanzi kbar fit-teknoloġija li għandna f’pajjiżna, b’numru ta’ kumpaniji jippreżentaw t-teknoloġiji li qed jaħdmu bihom.
Waqt li żar l-aħħar preparamenti għall-iStartup Festival u TechXpo, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal li dejjem fehmu li t-teknoloġija hija ċ-ċavetta li tixpruna l-prosperità għal Malta tal-ġejjieni.
“L-iStartup Festival huwa l-benniena minn fejn nistgħu noħorġu ideat ġodda għal pajjiżna, t-TechXpo huwa s-showcase ta’ fejn jistgħu jwassluna dawn l-ideat innovattivi. Fit-TechXpo tistgħu tesperjenzaw kmamar immersivi, esibiti interattivi, AI u VR. Irridu lit-tfal u żgħażagħ jiġu hawn u jesperjenzaw l-innovazzjoni. Irridu nrawmu fihom il-ħolma li huma wkoll jistgħu jmexxu ’l quddiem startup, inrawmu fihom is-sens intrapreditorjali. Din hija opportunità għal familja kollha fejn jistgħu jesperjenzaw l-aħħar teknoloġija kif ukoll diversi kumpaniji f’setturi ta’ valur għoli bħal farmaċewtika, avjazzjoni u teknoloġija li qed joffru opportunitajiet ta’ impjieg magħhom,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
It-TechXpo se tkun miftuħa minn għada sas-Sibt 19 ta’ Ottubru. Is-Sibt it-TechXpo se tkun miftuħa għall-pubbliku, mingħajr ħlas, bejn l-10.00 u l-17.00.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN