STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u tal-pajjiżi tal-Golf jiddiskutu kooperazzjoni msaħħa biex jindirizzaw l-isfidi ġeopolitiċi
F'laqgħa bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), bi tħejjija għas-Summit UE-GCC, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta' Malta Ian Borg ingħaqad mal-kontropartijiet tiegħu biex jiddiskuti l-isfidi ġeopolitiċi attwali fil-Lvant Nofsani u modi kif jistabbilizzaw il-viċinat b'mod sostenibbli.
Waqt li kien qed jindirizza l-kriżi fil-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg tenna s-sejħa għal waqfien mill-ġlied immedjat bħala “l-għan komuni tagħna." Sostna li b'hekk biss jistgħu jiżguraw li l- għajnuna tant meħtieġa tilħaq l- eluf ta' nies li huma fil-bżonn. Huwa nnota wkoll li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali fil-Lvant Nofsani, dan id-djalogu mhux biss importanti, iżda huwa essenzjali.
Dr Borg tenna li Malta dejjem fittxet li tkun vuċi tar-raġuni fl-affarijiet internazzjonali u dejjem tara li tifhem il-perspettivi kollha. Sostna li l-prinċipji ta' Malta huma ggwidati mill-ġustizzja soċjali, u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali. Id-Deputat Prim Ministru Malti għal darb'oħra tenna li waqfien mill-ġlied immedjat u ritorn għad-diplomazija għadhom il-prijorità ewlenija ta' Malta.
Il-laqgħa kopriet ukoll diskussjonijiet dwar is-sigurtà marittima fil-Baħar l-Aħmar u l-Istrett ta' Hormuz, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li bħalissa qed jiddominaw il-Qarn tal-Afrika. Dwar dan, id-Deputat Prim Ministru Malti stqarr li, “ilkoll għandna rwol kostruttiv fl-istabbilizzazzjoni tal-Qarn, it-tmiem tal-gwerra fis-Sudan, l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja u l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet reġjonali."
Fl-għeluq, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-GCC u l-pajjiżi tagħhom għall-isforzi bla heda tagħhom partikolarment biex jagħtu għajnuna umanitarja lill-Palestinjani u l-irwoli tagħhom ta' medjazzjoni li għaddejjin bħalissa. “Flimkien nistgħu nagħmlu ħafna biex intaffu l-kriżi umanitarja katastrofika li l-poplu Palestinjan qed jgħix kuljum," huwa temm jgħid.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN